Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-appell tat-trankwilità u semma ġudizzju seren li jrid isir biex proċess li rajna li jqajjem dubji kbar, jiġi korrett.
Il-Prim Ministru nnota l-fatt kif persuni akkużati se jmorru l-Qorti b’ċitazzjoni u allura mhux se jitressqu b’arrest u wara s-seduta, kulħadd imur lura lejn daru bil-kwiet.
Irrimarka kif jifhem li hemm Oppożizzjoni u establishment li kienu għatxana illi jaraw persuni mmanentjati u mibgħuta l-ħabs iżda l-fatt li ħarġet ċitazzjoni, dan mhux se jkun qed jiġri.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern saħħaħ l-indipendenza fil-ġudikatura biex il-poplu jkollu s-serħan il-moħħ li meta jara deċiżjoni finali, taqbel jew ma taqbilx mad-deċiżjoni, tirrikonoxxi li saret ir-retta tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Hawn Dr Abela nnota kif dak is-serħan il-moħħ bħalissa ma jeżistiex quddiem inkjesta Maġisterjali li tqajjem dubji dwar il-proċess tagħha.
Il-Prim Ministru Robert Abela elenka għat-tisħiħ fil-qasam tal-ġustizzja b’riformi li taw iżjed riżorsi, issaħħew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fil-qasam tal-ġustizzja u qal li dan il-Gvern reħa minn idejh poteri biex isaħħaħ tassew l-indipendenza tal-ġudikatura.
Qal li hu esprima d-diżappunt illi deċiżjoni ta’ persuna waħda tappnet fuq il-ħafna xogħol tajjeb li qed isir minn ġudikanti oħra.
Il-Prim Ministru qal li konvint li ħafna Imħallfin u Maġistrati oħra, bħal bqija ta’ ħafna min-nies, għandhom id-dubji dwar il-proċess għaliex it-timeline ta’ meta ġiet konkluża l-inkjesta, jiġifieri fis-siegħa li fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju, hu indikattiv biex iqajjem dubji.