Il-PM jgħid li t-twessigħ tar-relazzjonijiet tal-UE ma’ reġjuni differenti jiggarantixxi li ċ-ċittadini jkollhom il-bżonnijiet tagħhom moqdijin
Il-Prim Ministru, Robert Abela, tkellem dwar l-importanza li r-rabtiet diplomatiċi u kummerċjali tal-Unjoni Ewropea ma jkunux limitati biss għal dawk trans-Atlantiċi u maċ-Ċina iżda jkunu miftuħin ukoll għall-reġjuni oħra tad-dinja. B’hekk jiġi żgurat li, anki fi żmien diffiċli minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, jiġu żgurati l-ktajjen tal-provvista.
Huwa ta l-kummenti tiegħu fi tmiem l-ewwel Summit li qatt sar bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk, l-ASEAN.
Din il-laqgħa għolja fi Brussell serviet biex jiġi kkonfermat mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha lejn is-sħubija strateġika mal-ASEAN.
Din il-laqgħa għolja saret biex tikkommemora 45 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ naħat, u kkopresedewha l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u l-President tal-ASEAN għall-2022, il-Prim Ministru tal-Kambodja Hun Sen.
Iż-żewġ naħat esprimew l-impenn komuni tagħhom lejn l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, u l-promozzjoni ta’ multilateraliżmu effettiv. Fost il-materji fuq l-aġenda kien hemm ukoll il‑konnettività, il-qalba għal enerġija nadifa u ġust,il-kummerċ, u t-tranżizzjoni diġitali.
Intant, il-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela se jieħu sehem fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew għal din is-sena. L-aġenda tal-laqgħa tiffoka fuq l-isfidi li kkaratterizzaw ħajjet u ħidmet l-istituzjonijiet Ewropej matul din is-sena. Fost dawn hemm il-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija.
F’ittra lil mexxejja Ewropej, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, qal li fil-laqgħa l-mexxejja se jkunu qed iħarsu lejn l-isfidi li jridu jiġu indirizzati matul is-sena li ġejja, fosthom ir-riforma fis-suq tal-elettriku li se tiġi proposta dalwaqt mill-Kumissjoni Ewropea.
Temi oħra li se jkunu qed jiġu diskussi huma s-sigurtà u d-difiża fl-Ewropa, u l-iżviluppi lil hinn mill-fruntiera fin-Nofsinhar tal-Ewropea, tema li Malta għandha interess kbir għax se tkun qed tħares lejn l- iżviluppi fil-pajjiżi tal-Mediterran li mhumiex parti mill-blokk Ewropew, fosthom il-Libja.
Fi Brussell,il-PrimMinistru huwa akkumpanjat mid-deputat Edward Zammit Lewis.