L-enerġija li xprunat il-ħidma tal-Gvern tul il-pandemija, se tibqa’ ssostni x-xogħol li se jsir fiż-żmien li ġej biex titwettaq viżjoni ambizzjuża li ttejjeb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela, li b’viżjoni għall-ġejjieni, tkellem dwar il-pariri tal-esperti ekonomiċi bħal dan iż-żmien sena, meta kienu saħqu fuq l-importanza li l-proġetti infrastrutturali u proġetti oħra tal-Gvern mhux biss jibqgħu għaddejjin, imma jintensifikaw.
Dr Abela tkellem dwar il-viżjoni tiegħu lejn trasport sostenibbli, u semma l-proġett tal-breakwater ta’ San Pawl il-Baħar, li se jikkumplimenta s-servizz tant meħtieġ tal-fast ferry li mistenni jibda jaħdem minn Ġunju li ġej.
Qal kif, “Il-mod kif infrastrutturalment se nagħmlu r-rikostruzzjoni tal-breakwater u ż-żidiet miegħu se tkun katalista ieħor biex dan is-servizz ikompli jitwessa’ u nħares ukoll li dan is-servizz ikun ipprovdut għall-viżjoni ambjentali, biex ngħaqqdu l-viżjoni ambjentali mal-viżjonijiet l-oħrajn li għandna għall-pajjiż, li l-bastimenti li jintużaw ikunu electrified, jiġifieri tkun taħdem bl-elettriku.”
Meta tkellem dwar ħidmet il-Korp tal-Pulizija, il-Prim Ministru rrefera għal xhieda fil-Qorti tul il-jum tat-Tlieta, meta ssemma Ministru b’rabta ma’ allegat reat.
Spjega, “L-avukat li kien qed jistaqsi d-domandi lil dak ix-xhud, li nzerta kien l-Onorevoli Jason Azzopardi, fil-mument li x-xhud semma dan il-fatt, ma saqsihx għal min kien qed jirreferi. Fil-fehma tiegħi kienet evidenti li kien hemm min kellu x-xewqa li jħalli din l-allegazzjoni vaga u għaldaqstant l-ewwel ħaġa li għamilt meta ġejt infurmat b’dik ix-xhieda, kienet li tlabt lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jistabilixxi dwar min kien qiegħed jitkellem ix-xhur. Infurmat li l-Kummissarju tal-Pulizija għamel l-investigazzjoni tiegħu u x-xhud insista li ma jsemmi ebda ismijiet.”
Dwar il-fatt li Jason Azzopardi la ddikjara u lanqas ħallas it-taxxa, il-Mexxej Laburista nnota li dan huwa l-istess aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Qal li dan l-episodju juri li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux l-awtorità li jiddeċiedi.
Qal, “Id-dnub li huwa msejjaħ biex jiddeċiedi dwaru, għamlu huwa stess u allura l-pożizzjoni tiegħu hija waħda ta’ nuqqas ta’ awtorità u rajniha f’diversi drabi. Kellek allegazzjonijiet serjissimi fuq Adrian Delia, ma ħax passi dwaru, kellek lil Kristy Debono, kellek lil Hermann Schiavone, ma ħax passi kontra tagħhom, għandek proċeduri fil-konfront ta’ Stephen Spiteri jibqa’ ma jiddeċiedi xejn dwaru, anzi jagħmlu fil-COVID Team.”
Il-Prim Ministru nnota li dan kollu juri li l-Oppożizzjoni tippriedka dwar is-saltna tad-dritt, imma tikser kull prinċipju bażiku f’każijiet li jirrigwardjaw lilha.
B’differenza, Gvern immexxi minnu, aġixxa u wettaq bidliet kbar fejn tidħol il-governanza t-tajba.
Sostna, “Aħna rridu li dan il-pajjiż ikun immexxi mill-prinċipju tal-etika, tal-governanza t-tajba u li nkomplu nagħmlu d-differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.”