F’indirizz b’saħħtu f’rally li mmarka l-għeluq tal-Konferenza tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ta direzzjoni ċara tal-mod kif il-Partit Laburista se jibqa’ jġedded lill-pajjiżna.
Quddiem folla nies li attendew għall-attività b’konformità sħiħa mal-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista fadallu ħafna x’joffri għall-pajjiżna.
Dan għall-kuntrarju t’Oppożizzjoni li lanqas biss kienet kapaċi ġġedded lilha nnifsiha.
Hawn semma kif f’kull ma’ jagħmel, Gvern Laburista irid joffri kwalità ta’ ħajja aħjar, kif se jagħmel fil-Budget li se jitressaq fil-11 t’Ottubru li ġej.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Budget bla taxxi. Budget ieħor li se jwieżen li min waqa’ lura. Budget ieħor li se joffri tama ġdida liż-żgħażagħ. Budget ieħor li se jerġa’ jżid il-pensjonijiet. Li se jagħti aktar inċentivi għall-investiment. Iktar xogħol ta’ kwalità lill-Għawdxin u lill-Maltin, li jħalli aktar flus fil-but tan-nies. Imma fuq kollox li nsaħħu lill-ambjent naturali u anke l-ambjent ta’ fejn ngħixu.”
“Mexxejna, flok ħallejna ċ-ċirkostanzi jmexxuna huma u waqt pandemija żammejna lil Malta b’saħħitha biex gżira ċkejkna kienet eżempju għad-dinja”, saħaq il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru għaraf li kien hemm persuni li raw episodji li ma rriflettewx it-twemmin tal-Partit Laburista.
Saħaq li għal dan huwa qed iwieġeb għal iktar xogħol biex l-għajta ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox tibqa’ l-għajta tal-Partit Laburista.
Kien hawn li semma kif dan il-Gvern fadallu x’jagħmel: “u ejja ħa naqtgħu l-ispekulazzjoni, tħalluhomx ifixklukom. Din il-leġiżlatura, vera ma baqgħalhiex iżjed minn disa’ xhur, iżda għadha ma ntemmitx. Għandna proġetti li se nkunu qed nagħlquhom fil-ġimgħat li ġejjin. Irridu nħabbru u nwettqu budget, li juri direzzjoni ċara tal-ħsieb ġdid li rridu nwettqu għall-pajjiżna.”
Il-Prim Ministru semma investimenti li qed joħolqu iżjed impjiegi fosthom dak multi-miljunarju tad-De La Rue u l-ħidma biex jinħolqu iżjed spazji miftuħa għall-familji.
Apparti li semma Wied Fulija u l-Qortin, li minn miżbliet ġew riġenerati għall-parks, semma l-ambjent u l-inċentivi li qed jingħataw anki lin-negozji biex l-operat tagħhom jaqleb għal wieħed iżjed ħabib tal-ambjent.
Dr Abela qal li bħalma saret qabża fl-ekonomija, fis-saħħa, fl-infrastruttura, hekk ukoll se ssir qabża fl-ambjent biex ikollna Malta isbaħ u aktar nadifa għan-nies tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Fl-MFCC, il-Prim Ministru mbagħad tkellem dwar tema li jeħtieġ li jkollna diskussjoni dwarha, dik tat-trasport tal-massa.
Saħaq li bħala poplu wieħed matur irridu niddiskutu kif se nimmodernizzaw pajjiżna u jekk hux lesti jkollna bidla fil-mod kif ngħixu, fosthom dwar l-użu tat-trasport.
Kien hawn li semma l-istudji dwar it-trasport tal-massa: “Għandna bħala Gvern, l-istudji dwar trasport tal-massa lesti u se npoġġuhom għad-diskussjoni. Iva, pjan għal sistema ta’ metrò taħt l-art għal Malta, li jista’ jġib rivoluzzjoni fil-mod kif jaħdem it-trasport pubbliku. Però l-Poplu hawn irid iħares lejn il-fatturi kollha, kemm dawk pożittivi u anke dawk negattivi.”
Il-Mexxej Laburista tkellem dwar l-importanza li l-moviment li qed imexxi jibqa’ jiffoka fuq is-saħħa tal-ħaddiem.
Qal li l-Partit Laburista ma waqafx joħroġ b’ideat ġodda u saħansitra jisfida l-ħsieb tal-Gvern: “Din hija l-qalb, il-qalb tħabbat ta’ dan il-partit li jkompli jiġġedded u ġġedded, għax aħna nemmnu f’pajjiżna. Nemmnu f’Malta u rridu nkomplu nagħmlu l-ġid. Għalhekk inġeddu Malta flimkien.”
B’ton ta’ wieħed qalbu tħabbat mal-poplu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-ġustizzja soċjali u semma kif irid jara ta’ wara jimxu ’l quddiem b’pass iktar mgħaġġel u għalhekk se jħaddan politika li timbotta iktar lil dawk li qegħdin lura.
Huwa sostna: “Pajjiż ġust f’kollox, fil-ġustizzja, fl-ekonomija, fl-ambjent, fil-ġustizzja soċjali. Din hija Malta tal-futur. Aħna l-futur. Inġeddu għax ma nafux niefqu nimxu ’l quddiem. Malta għax din l-art inħobbuha. Flimkien għax mingħajrkom m’aħna xejn. Għalhekk l-istedina biex tingħaqdu miegħi, tingħaqdu magħna, tkunu intom l-istilel ta’ Tim Malta biex Inġeddu Malta flimkien. ”