Fil-konferenza One Ocean Summit, li f’dawn l-aħħar tlett ijiem tlaqqgħet f’Brest fir-reġjun ta’ Brittany fi Franza, il-Prim Ministru ta’ Malta Dr Robert Abela tkellem dwar inizjattivi li ħadet Malta favur il-protezzjoni tal-baħar.
Il-Ġimgħa filgħodu, f’panel ta’ kelliema li fost oħrajn kien hemm il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-President Ċiprijott Nicos Anastasiades, il-Prim Ministru Malti tkellem dwar kif minn din is-sena f’Malta ġie projbit il-bejgħ tal-plastik użat ta’ darba.
Dan wara li sena qabel tneħħiet l-importazzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik li ħafna drabi jispiċċa fix-xtut tagħna u jagħmel ħsara lill-ħajja fil-baħar.
F’indirizz li għamel wara li tkellmu fost oħrajn mexxejja dinjija bħal John Kerry, li huwa l-mibgħut speċjali tal-President Amerikan dwar it-tibdil fil-klima, Dr Abela semma wkoll żewġ proġetti ta’ ship to shore li qed isiru f’pajjiżna, wieħed fil-Port il-Kbir u ieħor fil-Port Ħieles.
“One of the main incentives which we did to protect perhaps our best and main assett is the introduction of 2 ship to shore facilities which one of them has been made possible due to important EU funds.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fuq medda t’għoxrin sena, Malta mistennija tiffranka sa €375 miljun fi spejjeż ikkawżati mit-tniġġis fl-arja, bħal dawk ta’ saħħa u kura medika kif ukoll sabiex jittaffew l-impatti tat-tniġġis fuq l-ambjent.
F’konferenza appoġġjata mill-Ġnus Magħquda u quddiem mexxejja dinjija, il-Prim Ministru Malti kien ċar u qajjem mistoqsijiet leġittimi dwar kif il-bastimenti għadhom jaħdmu bi fjuwil li jniġġes, bħal dak tal-heavy fuel oil.
“We have to walk the walk and talk the talk. Whilst we’re discussing initiatives for the future we have solutions in the present which we are not utilising. Yes I understand that using low sulphur diesel that would ramp up costs in the shipping industry which I believe is an immediately available solution which I believe we should ourselves of. ”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru aċċenna li hemm bżonn il-bilanċ favur il-protezzjoni tal-ambjent u saħaq li kull miżura trid tingħata perspettiva ħolistika filwaqt li nagħrfu wkoll ir-realtajiet ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta, fil-Mediterran, li għal pajjiżna, il-baħar huwa wkoll riżorsa importanti.
Il-Prim Ministru temm jgħid li lkoll irridu nagħrfu li l-protezzjoni tal-ambjent hija sfida li għandna lkoll quddiemna.
Matul dan is-summit, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg.