“Dak kollu li tagħmel l-Oppożizzjoni huwa bl-għatx tagħha għall-poter.”
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela f’diskors parlamentari dwar il-Budget.
Fil-fatt, tul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ffoka fuq il-kritika tal-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem u l-kontradizzjonijiet ċari li din ġabet magħha.
Dr Abela sostna li l-Oppożizzjoni ma tistax titkellem dwar il-governanza t-tajba u s-saltna tad-dritt għax fil-mument tal-prova anke fl-aħħar sena deher biċ-ċar kemm din tużaha bħala ballun politiku u mhux għall-interess ġenwin tan-nazzjon.
Hawnhekk, il-Prim Ministru semma kif anke fir-riformi bla preċedent li wettaq dan il-Gvern kellna Oppożizzjoni li abdikat mir-responsabbiltajiet tagħha. Sostna li dan deher biċ-ċar fl-iskrutinju tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Dr Abela sostna li l-Oppożizzjoni llum tikritika meta biss jaqblilha u meta ma jkunx hemm deċiżjoni favuriha tara biss li tixħet id-dubji.
Tenna li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jitkellem dwar affarijiet bħall-maħfriet presidenzjali meta taħt amministrazzjonijiet tagħhom dawn kienu jingħataw fis-satra tal-lejl.
Il-Prim Ministru tenna li l-maħfriet presidenzjali hu jiddeċiedi fuqhom fl-aħjar interess tal-pajjiż.
Huwa qal, “Jien kull talba għall-maħfra li jkollna quddiemna se mmexxuha bl-akbar responsabilità. Niddeċiedi fl-interess nazzjonali bla ma nħares lejn uċuħ. U dan ġa tajt prova tiegħu. ”
Dan b’differenza għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li fl-aħħar diskors tiegħu f’attività politika, b’irresponsabbiltà seta’ instiga s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia sabiex jitlob maħfra presidenzjali oħra.
Dr Abela sostna: “Taf x’wiegħed Sur President, wiegħed saħansitra maħfra lil dan l-allegat mastermind u qabel parlajt insaqsik, tkellimt mal-Kummissarju tal-Pulizija, tkellimt mal-Avukat Ġenerali, tkellimt mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia? Taf x’għamilt bi kliemek int, taf li stedint lill-allegat mastermind biex jitlob il-maħfra.”
Kien hawnhekk li l-Prim Ministru fakkar kif dan huwa il-Gvern li qed iressaq il-kriminali quddiem il-ġustizzja u tenna li l-Oppożizzjoni mhux se xxekkel lill-Gvern fil-mixja tiegħu favur il-ġustizzja.
Intant Dr Abela fid-diskors tiegħu tkellem dwar il-Budget u rrimarka f’dawn l-aħħar tliet ijiem l-Oppożizzjoni abdikat għal kollox milli titkellem dwaru.
Il-Prim Ministru sostna li dan il-Gvern huwa differenti mill-amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti u se jibqa’ jagħmel il-bidliet kbar li jeħtieġ il-pajjiż għax huwa l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali li jnebbaħ il-politika ta’ dan il-Gvern.
Dr Abela tkellem dwar x’wiret Gvern Laburista fl-2013 mingħand amministrazzjoni Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq: “Dan ħallejtulna intom fl-2013? Minn pajjiż bl-agħar rata ta’ impjieġi fl-Ewropa, imbdilna għall-pajjiż fejn għandna rata ta’ impjiegi aqwa mill-medja. Minn pajjiż, fejn il-ġid nazzjonali, ras għal ras kien mistenni jdum ġenerazzjoni sħiħa biex jilħaq il-medja Ewropea. Aħna f’legiżlazzjoni biss telgħa mal-aqwa għaxra fiż-żona Ewro, pajjiż li sena wara sena jibqa’ jkollu l-akbar rata ta’ tkabbir fl-impjieġi fl-Ewropa. Dak is-suċċessi li għamilna.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar ħidmet il-Gvern fil-kriżi tal-pandemija u kif b’differenza għall-Partit Nazzjonalista fl-2008, dan il-Gvern investa fin-nies.
Investa billi fost oħrajn nefaq kemm felaħ biex jissalvagwardja l-ħajjiet tal-Maltin u Għawdxin. Dan deher biċ-ċar bix-xiri tad-dożi tal-vaċċin għall-Covid-19.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna: “Xtrajna kemm stajna dożi mingħand produtturi differenti, mingħand ditti differenti u kellna l-għaqal li meta issa qed naraw x’għamlu pajjiżi oħra l-istess għaqal li pajjiżi oħra ma kellhomx, li ma nistriħux fuq supplier wieħed biex niżguraw li jkollna security of supply. Għalhekk iva, aħna l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li qed inlaqqmu persuni meta mqabbel mal-popolazzjoni tagħna.”
Dr Abela tenna kif mil-lat ekonomiku dan il-Gvern ħa ħsieb l-impjiegi u n-negozji sabiex ħadd ma baqa’ waħdu.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-Gvern se jkompli jibni fuq l-għaqda u mhux il-mibgħeda: “Ara din ma semgħu xejn fuqha, flok mar-rata tal-qgħad splodiet, kif kull tbassir li kellna, qalilna li se jiġri. Minflof żammejna r-rata tal-qgħad milli mqar terfa’ rasha. Qed naraw Sur President, madwarna kulħadd qed jara x’qed jiġri f’pajjiżi oħra, Ewropej bħalna, nies jikkjujaw fil-food banks biex jingħataw x’jieklu u li kieku hemm intom fil-Gvern illum hekk kontu ġġibuna.”