L-elezzjonijiet ta’ Ġunju huma importanti għax huma għażla li tibda xejn b’xejn u li hija dwar rappreżentanza fil-Parlament Ewropew li tiddefendi l-interess Malti u jekk għandhiex fiduċja fil-politika progressiva ekonomika tal-Gvern jew il-politika li tħaddan l-Oppożizzjoni t’awsterità. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fuq 103FM u Newsbook ma’ Andrew Azzopardi.
F’intervista ta’ 50 minuta li xxandret is-Sibt filgħodu, il-Prim Ministru tkellem fuq għadd ta’ temi fosthom dwar l-għajnuna kbira li ta l-Gvern waqt pandemija u issa waqt sfidi globali oħra, u minkejja dan il-Gvern żamm il-finanzi fis-sod. Hawn issemma kif illum il-piż tad-dejn xorta huwa iżjed baxx minn dak li sploda taħt Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi, li fi żmien ta’ kriżi ferm iżgħar kellu dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross li laħħaq is-70%.
Dr Abela tkellem ukoll dwar riformi fil-Qrati fosthom fil-kumpilazzjonijiet li qed isiru biex jiġi indirizzat id-dewmien. Isemmiet wkoll il-ħatra ta’ erba’ Maġistrati inkwirenti ġodda ffukati fuq inkjesti u hawn issemmiet l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Innota kif din l-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella ilha għaddejja għal aktar minn erba’ snin. B’rabta ma’ din l-inkjesta, il-Prim Ministru tkellem dwar tħassib li membri prominenti fl-Oppożizzjoni, fis-soċjetà ċivili u li suppost iħaddnu l-prinċipju tas-saltna tad-dritt, jgħidu li se jsiru xi tfittxijiet minn qabel dawn isiru u fil-fatt dawn jiġru. “Ma tħossokx inkwetat li familjari intimi tal-Maġistrat jikkummentaw dwar dan il-mertu”, qal il-Prim Ministru fl-intervista li nnota wkoll kif is-serħan il-moħħ tal-istituzzjonijiet jaħdmu, illum għandu biċċa minnu mxellef.
Fuq artikli fil-midja dwar Joseph Muscat u l-elezzjonijiet Ewropej, il-Prim Ministru qal, “Pero nagħmel din id-domanda lilek, jekk ir-risposta tkun iva għaliex għandi ngħidlu le jien?”.
Intant fl-intervista qam is-suġġett tar-riforma tad-droga u White Paper għad-diskussjoni li fuqha stakeholders ewlenin, fosthom il-Caritas, laqgħu l-fatt li se ssir riforma. “Fejn il-Qorti għandha konvinzjoni li l-imputat huwa vittma tad-droga u fejn ikun għadda perjodu twil u dan irrijabilita ruħu, jekk il-Qorti jkollha l-fakultà li tqisu quddiem Qorti tad-Droga, il-Qorti għandha jkollha l-għodda”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela hu u jinnota kif l-Oppożizzjoni ppruvat tiskorja punti politiċi. Il-Prim Ministru saħaq ukoll li l-piena għal traffikant tad-droga għandha tibqa’ sa għomor il-ħabs.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar il-ħaddiema barranin u filwaqt li semma riformi li qed isiru, bħal dik tat-temping agencies innota prinċipju ewlieni ta’ kontroll sħiħ f’idejn l-awtoritajiet li jiġu ħaddiema barranin f’setturi meħtieġa biss. Il-preżentatur staqsa fhiex waslet ir-riforma fil-midja, bil-Prim Ministru jistaqsi min kien li waqqaf li pajjiżna jsir l-ewwel wieħed fl-Ewropa li jgħaddi liġi Anti-Slapp. Innota kif pajjiżna għandu Abbozzi quddiem il-Parlament li huma b’saħħithom u li jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u huma ferm iżjed ambizzjużi minn Direttiva Ewropea. Qal li dawn baqgħu sa issa ma għaddewx liġi għax kien hemm min talab konsultazzjoni ulterjuri.
Dwar il-ħatra ta’ President ta’ Malta, il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni trid tirrispetta mandat li ta l-poplu u għandu jintlaħaq qbil dwar persuna li tkun idoneja biex tokkupa dik il-kariga. Issemmiet ukoll ir-riforma li tagħti protezzjoni s-saħħa tal-mara li jirriżultawlha komplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala. Dr Abela rrimarka li l-prinċipju tal-ħarsien ta’ saħħet il-mara baqa’ hemm fir-riforma tar-riforma.
Dwar l-eks Direttur tal-Ħabs Alex Dalli, il-Prim Ministru nnota li dan wiret ambjent mhux faċli u filwaqt li faħħar il-ħidma tat-tmexxija preżenti, innota kif Dalli indirizza bis-serjetà l-problema tad-droga fil-ħabs. Qal li l-bilanċ huwa dejjem sfida biex jintlaħaq u kellek saħansitra l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li nstab ħati ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali.
Il-Prim Ministru tenna li hu l-interess Malti jibqa’ l-ewwel u qabel kollox għalih. Innota li l-vuċijiet fil-Partit Laburista hu jilqahom u mhux jagħmel bħal ħaddieħor fil-Partit Nazzjonalista li jgħidilhom tumur.
Ara l-intervista sħiħa hawnhekk: