“Il-ħolma li wieħed ikollu daru trid tkun ħolma sabiħa u li tieħu pjaċir tagħmilha realtà.”
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista bit-tema Malta Flimkien u li trattat aktar spjegazzjoni dwar proposta ewlenija għall-first time buyers ta’ proprjetà.
Propju l-Erbgħa filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-miżura ta’ €1,000 kull sena għal 10 snin lil first time buyers fuq self ta’ xiri ta’ proprjetà.
B’hekk dawn se jkunu qed jingħataw €10,000 fuq propjetà li jkunu xtraw mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena ’l quddiem.
Dr Abela spjega l-costings dettaljati ta’ din il-proposta favur ukoll koppji żgħażagħ.
“Din il-miżura se tkun qed tfisser li għall-ewwel sena se tiswa €3.8 miljun u mbagħad se tkun komplessivament fil-leġistlatura kollha se tkun qed tiswa €57 ta’ għajnuna liż-żgħażagħ tagħna u l-first time buyers kollha. Flejjes li se jibqgħu fil-bwiet tal-first time buyers.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif għal din il-miżura mhux se jkun hemm means testing jiġifieri r-rekwiżiti huma sempliċi, dik li tkun qed tinxtara l-ewwel propjetà u li jkun hemm self.
Fi tweġibiet għall-ġurnalisti, il-Prim Ministru spjega li l-għotja se tingħata forma ta’ ċekk.
Indirizzaw il-konferenza wkoll żewġ kandidati nisa tal-Partit Laburista, l-Ekonomista Cressida Galea u l-Avukat Naomi Cachia.
Cachia spjegat kif din il-proposta tirrijafferma lill-Partit Laburista bħala l-partit taż-żgħażagħ u l-partit tal-futur u fakkret ukoll f’miżuri li jikkumplimentaw din il-proposta tal-Partit Laburista, fosthom dik tat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll li minnha gawdew 28,000 persuna.
“Din il-miżura kienet il-punt tat-tluq però ma waqafniex hemmhekk. Nedejna skemi għal min jixtri propjetà f’UCA li qe djgħinu lil min jixtri biex jirpukpra parti sostanzjali mill-ispejjeż fuq il-propjetà. Nedejna wkoll skemi għal min xtara propjetajiet f’Għawdex.”
Il-kandidata Laburista, Naomi Cachia
Min-naħa tagħha Galea tenniet li tikkunsidra din il-proposta bħala waħda progressiva hekk kif mhux se jkun hemm limitu fuq il-valur tal-propjetà u b’hekk se tkun l-istess għal kulħadd.
“Il-Partit Laburista fil-Gvern kompla jaċċerta li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sodi b’ċertifikat wara l-ieħor mill-aġenziji tal-kreditu, mill-istituzzjonijiet internazzjonali u ewropej u kif ukoll rati ta’ tkabbir ekonomiku rekord u l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ Malta. Hekk ikun min ikun bilgħaqal.”
Il-kandidata Laburista, Cressida Galea
Il-Prim Ministru Robert Abela temm din il-konferenza tal-aħbarijiet jgħid li ż-żgħażagħ konvinti mill-Partit Laburista bħala partit li jwettaq.
Filwaqt li reġa’ aċċenna għal din il-proposta Dr Abela lissen messaġġ ta’ kuraġġ għaż-żgħażagħ u aċċertahom li dan il-Gvern se jkun ta’ spalla għalihom.