Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fiż-żmien li ġej il-Gvern se jressaq emenda legali biex tgħaddi mill-Parlament li biha tkompli tiġi protetta saħħet il-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala.
F’intervista mat-Times il-Prim Ministru ta d-dettalji ta’ din l-emenda legali se titressaq dalwaqt wara li anki ġiet diskussa f’livell ta’ Kabinett u Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.
Spjega li b’din l-emend, il-professjonist u l-omm prospettiva mhux se jkunu esposti għal proċeduri kriminali f’każ tat-twaqqif tat-tqala biex tiġi protetta l-omm li tkun fil-periklu għal saħħitha jew ħajjitha.
“Allura b’diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna wkoll dħalna f’diskussjoni, ressqu huma stess emenda għal għad-diskussjonijiet tal-kabinett u l-emenda li se nkunu qed nagħmlu se tkun waħda li tgħid illi meta għandek kumplikazzjonijiet mediċi waqt tqala u saħħet l-omm jew ħajjet l-omm jitqiegħdu f’ periklu, allura hemmhekk jekk it-tabib jieħu deċiżjoni li jwaqqaf it-tqala biex ma jipperikolax il-ħajja tal-omm hemmhekk ma jkun espost għall-ebda proċeduri kriminali. Naturalment l-omm prospettiva lanqas ma tkun esposta għal proċeduri kriminali. Dik l-emenda li se tkun qed inressqu fil-parlament fil-jiem li ġejjin.”
Fil-fatt hawnekk Dr Abela rrefera għal każ ta’ Andrea Prudente u qal li l-pajjiż ma għandux iħalli lil mara tilgħabha mal-mewt qabel ma jintervjeni biex jipproteġi saħħet il-mara.
Meta mistoqsi, il-Prim Ministru saħaq li b’din l-emenda mhux se jkun qed jidħol l-abort iżda se tiġi protetta iżjed saħħet il-mara.
Dwar is-suġġett tal-abort, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma għandux mandat biex idaħħlu għaliex lanqas hemm imniżżel l-introduzzjoni tiegħu fil-manifest elettorali.
Iżda, il-Prim Ministru spjega wkoll kif sema’ mill-esperjenzi ta’ persuni li missew mal-abort u fisser kif jeħtieġ inkomplu niddiskutu b’mod matur.
Hawn irrimarka li din id-diskussjoni ma għandhiex tinħonoq mill-politiċi.
Intant il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar ir-riforma li għamel Gvern Laburista dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.
Filwaqt li saħaq miexi ġmielu x-xogħol biex assoċċjazzjonijiet apposta li jkunu jistgħu jbiegħu kannabis ta’ kwalità tajba, mingħajr ebda profitt, jitwaqqfu, il-Prim Ministru aċċenna għall-ħemel ta’ benefiċċji li ġabet din il-liġi ġdida.
“Biss l-effett primarju tal-leġiżlazzjoni x’kienu u intlaħaq minnufih malli l-liġi daħlet fis-seħħ li ma jibqax ikollna aktar persuni li jużaw il-kannabis illi kienu qed jispiċċaw jitressqu quddiem it-tribunal, jgħaddu mill-umiljazzjoni u potenzjalment ikollhom il-fedina penali tagħhom imtebba’, li ma jkollhomx opportunità li xi darba nstabu ħatja fuq pussess ta’ kannabis inaddfu l-kondotta tagħhom. Mela dawk l-effetti pożittivi kollha, daħlu fis-seħħ.”