Fi stqarrija ministerjali t-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela ta rendikont tal-ħidma tiegħu barra minn xtutna, waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, u d-diskussjonjiet li kkaratterizzawh.
Fil-fatt, il-Prim Ministru spjega kif wieħed mis-suġġetti ewlenin kien dak tal-immigrazzjoni, partikolarment dik irregolari.
Fuq din il-materja, il-Prim Ministru tenna li fuq livell politiku fil-Kunsill Ewropew qed jara iktar realizzazzjoni ta’ kemm il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari hi sfida tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Dr Abela tenna li biex il-mudell tat-traffikant jiddgħajjef irid ikun enfasizzat ir-ritorn – jiġifieri li min jidħol irregolarment u ma jkunx eliġibbli għall-ażil, jintbagħat lura f’pajjiżu.
Madankollu sostna l-importanza tal-għaqda nazzjonali fuq dan is-suġġett.
“Din l-għażla u kull għażla tista’ tgħid li tagħmel dwar dan is-suġġett tiġi bi pressjonijiet u kontestazzjonijiet tagħhom ukoll. Jiġifieri jekk tgħidli sa għada stess, kemm il-Ministru Byron Camilleri u kif ukoll jien, għada rridu nitilgħu nixhdu l-Qorti f’kawża Kostituzzjonali li saret kontrina minn numru ta’ immigranti u oħrajn li qed jiddefenduhom. Kellna wkoll l-inkjesta Maġisterjali li kienet proċess li għaddejna minnu flimkien mas-suldati tagħna fejn esponenti ta’ sħabi ta’ faċċata pprovaw jixħtuna l-ħabs.”
Ma naqasx ukoll li l-Prim Ministru jagħti elenku ta’ dak li ġie diskuss dwar il-gwerra li baqgħet tiddomina fl-Ukrajna. Filwaqt li rrimarka li pajjiżna se jibqa’ jimplimenta s-sanzjonijiet u jikkontribwixxi lejn sforzi umanitarji, Dr Abela sostna hekk …
“Dejjem intennu li kwalunkwe kontribut li jagħti pajjiżna jrid isir b’rispett sħiħ lejn il-politika tal-pajjiżi rispettivi dwar is-suġġett. Dan huwa punt li dejjem konna ċari ħafna dwaru u allura li rridu nibqgħu nikkontribwixxu, iva imma b’rispett sħiħ lejn dak li tgħid il-Kostituzzjoni tagħna, partikolarment meta titkellem dwar in-newtralità u n-non-alignment.”
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-pajjiżi Ewropej qed jaraw lok ta’ kordinament ta’ sforzi, speċjalment fuq oqsma bħall-informazzjoni u cyber security, fost oħrajn.
Filwaqt li aċċenna wkoll għal diskussjonijiet dwar it-tkabbir tal-Unjoni, b’relevanza speċjali għall-pajjiżi tal-Balkani, Dr Abela semma d-diskussjonijiet fuq ir-relazzjoni li l-istess Unjoni Ewropea għandu jkollha mal-Afrika, b’mod speċjali ma’ pajjiżi fin-naħa ta’ fuq tal-kontinent, u dak li qed jiġri fit-Tuneżija.
“Irridu ngħinu b’kull mezz possibbli, inkella ejja nifhmu li l-problema li hemm hemmhekk bħalissa faċilment tispiċċa fuq ix-xtut ta’ żewġ pajjiżi. Tal-Italja u pajjiżna u għalhekk il-ġimgħa d-dieħla beħsiebni mmur it-Tuneżija wkoll proprju biex inkomplu t-taħditiet li diġà bdew dwar il-ħidma tagħna u hi visit importanti ferm fir-realtajiet ta’ bħalissa.”
Kien hawn li l-Prim Ministru nnota wkoll l-iffirmar ta’ MOU bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija li jħares lil hinn mill-immigrazzjoni, filwaqt li anke mal-Libja, ġew mogħtija riżorsi lill-gwardja tal-kosta biex jkunu jistgħu jintużaw f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ.
Hawn il-Prim Ministru semma wkoll l-iffirmar ta’ ftehim bejn pajjiżna u l-Libja favur qbil dwar interconnector li jissupplixxi l-enerġija nadifa.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-preparazzjoni dwar il-laqgħa tal-MED9 f’Settembru li ġej fejn pajjiżna se jilqa’ lid-disa’ mexxejja tal-pajjiżi tal-Mediterran biex jintensifika l-kordinament tal-ħidma Ewropea fuq dan ir-reġjun hekk importanti.