Bħala parti mill-kampanja ‘Start’ taż-Żgħażagħ Laburisti, ilbieraħ filgħaxija l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela attenda għat-tieni diskussjoni miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ, li wkoll kompliet tagħti pjattaforma lill-kandidati żgħażagħ li qed jersqu ’l quddiem biex jagħtu kontribut lill-komunità u lill-pajjiż.
Wara li tkellmu diversi żagħżagħ, anke kandidati għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tat-8 ta’ Ġunju li ġej, intervjena l-Prim Ministru fejn semma kemm kienet sabiħa l-ġurnata li bdiet u spiċċat imdawwar biż-żgħażagħ.
Qal kif, filgħodu, iż-żgħażagħ tkellmu miegħu fil-Junior College u semmewlu diversi temi li jinteressawhom, b’mod speċjali l-ambjent, id-drittijiet ċivili u sfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom.
Hawn irrimarka li l-Partit Laburista jrid ikun il-vuċi ta’ tant suġġetti li, għal wisq snin f’pajjiżna, ħadd ma kellu l-kuraġġ li jaqbadhom, għax iddominaw il-forzi konservattivi.