“Ir-rata qawwija ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna waslet biex minkejja n-numru ta’ infezzjonijiet, il-qagħda fl-isptarijiet tagħna, partikolarment dawk fit-taqsima tal-kura intersiva, baqgħet waħda stabbli.”
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Malti Robert Abela waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew, matul il-ġurnata tal-Ħamis fi Brussell.
Il-Prim Ministru Malti saħaq ma’ mexxejja oħra Ewropej fuq l-importanza tat-teħid tal-booster, hekk kif il-varjant il-ġdid tal-Covid-19, l-Omicron qed jiddomina l-kontinent Ewropew. “Fl-intervent li għamilt spjegajt kif ir-rata qawwija ta’ vaċċinazzjoni li għandna f’pajjiżna qed nitkellmu mal-95%, kif ukoll fejn jidħol il-booster dose għandna wkoll persentaġġ tajjeb tal-poplu tagħna li huwa mlaqqam, ikkontribwiet biex minkejja n-numru ta’ infezzjonijiet il-qgħada fl-isptarijiet tagħna partikolarment dawk li jinsabu fit-taqsima għall-kura intensiva baqgħet waħda u dan jimliek b’kuraġġ li nibqa’ ntenni dan l-appell tal-importanza li n-nies imorru jikkonkorru sabiex jieħdu l-booster dose. Tagħmel differenza enormi.”
F’dan il-Kunsill Ewropew il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll fuq is-settur tal-enerġija.
Dan minħabba l-pressjoni internazzjonali fuq il-provvista u l-prezzijiet.
Dr Abela tenna kif l-Unjoni Ewropea trid tħares ‘il quddiem għal soluzzjonijiet li jkunu tajbin għall-ġejjieni fit-tul u li jkunu ikkunsiddrati enerġiji ġodda bħall-idroġenu.
Iżda l-Prim Ministru Malti semma kif l-akbar mira importanti hija li fl-immedjat il-prezzijiet ikunu stabbli. Dan sabiex bl-ebda mod ma jkun imxekkel l-irkupru. “Fl-immedjat nifhem li l-iktar mira importanti hija li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Dak li qed naraw madwarna huwa xokkanti. Il-prezzijiet tal-gass kif qiegħdin jitilgħu litteralment minn ġurnata għall-oħra u jitilgħu b’ammonti li huma kbar u għaldaqstant kienet għaqlija d-deċiżjoni li ħa pajjiżna li jibqa’ jappoġġja lir-residenzi lill-businesses biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Nemmen li dan huwa pass importanti ferm. Qiegħdin f’fażi kruċjali u determinati li bħala Gvern nibqgħu inkunu ta’ appoġġ għan-nies kif konna f’dawn l-aħħar xhur.”
Fil-preżenza tas-27 pajjiż membru ltaqa’ wkoll il-Euro Summit, fejn l-enfasi kienet fuq l-irkupru ekonomiku fejn kien rikonoxxut kif ir-rispons b’saħħtu u kkordinat qed iwassal sabiex tkun megħluba l-kriżi mill-pandemija b’mod ekonomiku.
Intant, tul il-jum tal-Erbgħa, il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fl-Eastern Partnership Summit li laqqa’ mal-istess mejda l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u mexxejja ta’ numru ta’ pajjiżi ġirien fil-Lvant tal-Unjoni Ewropea.