Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li teknoloġija moderna ser tkun ċentrali sabiex itejjeb l-kuntatt dirett bejn il-Gvern Lokali u r-residenti Maltin. Huwa tenna li dan huwa aspett importanti sabiex l-pajjiż jilħaq l-ogħla aspettattivi demokratiċi.
Huwa kien qed jitkellem waqt il-ftuħ tal-Commonwealth Local Government Conference. Il-Prim Ministru tenna li l-miżuri li ħa u li qed jieħu l-Gvern jassiguraw kuntatt faċli u trasparenti għall-poplu Malti kollu. Fost dawn hemm dawk fis-settur tat-teknoloġija li jinkludu aċċess aktar dirett għas-servizzi governattivi.
Il-Prim Ministru żied jgħid ukoll li l-kunsilli lokali kellhom żieda ta’ disgħa fil-mija fil-fondi allokati għalihom sabiex ikunu jistgħu jgħinu iktar lis-residenti Maltin. Huwa spjega kif Malta qed tikkompeti sabiex issir ċentru tal-blockchain fl-Ewropa u minħabba f’hekk jistgħu isiru xi tibdiliet strateġiċi li jaffettwaw il-mod kif jaħdem Gvern Lokali.
Sadanittant fl-istess konferenza, il-Ministru Owen Bonnici qal li din il-konferenza ser tiffoka fuq strateġiji li jgħinu jżidu r-riżorsi tal-gvern lokali sabiex jilħqu kull aspettivi fil-futur qarib.
Il-Commonwealth Local Government Conference se tiffoka fuq il-Kunsilli Lokali u l-Gvernijiet Lokali u hija t-tieni l-akbar konferenza organizzata mill-Commonwealth. Madwar 500 delegat u nies li jfasslu l-politika se jiġu Malta għal din il-konferenza. It-tema tagħha hija: F’saħħitna għall-Futur: Riżorsi u Kapaċità għal Gvern Lokali Effettiv.