Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, qal li f’sitwazzjoni fejn, madwar l-Ewropa, il-pressjonijiet kaġun tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna qegħdin jiżdiedu u qed iwasslu għal splużjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils, ma jixtieqx li jara li l-Ewropej – wara t-tbatija ta’ sentejn ta’ pandemija – issa jkollhom jerfgħu wkoll il-piż ikkaġunat minn deċiżjonijiet li ma jpoġġux lin-nies l-ewwel.
Fid-dawl ta’ dan, fil-Kunsill Ewropew Malta se tisħaq aktar minn qatt qabel fuq l-importanza li, fl-aħjar interess tan-nies, tiġi ggarantita l-istabbiltà fejn din hija nieqsa.
Waqt l-intervista li ta fuq ONE Radio, huwa fakkar li, f’Malta, il-Gvern ħa deċiżjoni ta’ prinċipju li, fuq il-bażi ta’ ekonomija li sejra tajjeb, jieħu l-miżuri neċessarji biex jilqa’ milli l-piż jinġarr mill-poplu.
Il-Prim Ministru qal li, lil hinn mis-sanzjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar is-soluzzjonijiet se jinstabu bid-djalogu madwar mejda. Ikkummenta li, għalkemm hemm sforz favur li jseħħ dan id-djalogu, għadu mhux biżżejjed. Esprima t-tama tiegħu li ma jkunx ir-riżultat tal-piż li qed jispiċċaw jerfgħu n-nies – bħal, ngħidu aħna, nies li jiffriżaw fi djarhom f’pajjiżi tat-tramuntana – li jwasslu biex isiru dawn it-taħditiet.
Meta kkummenta dwar it-taħditiet kordjali li kellu nhar l-Erbgħa mal-Prim Ministru Libjan waqt iż-żjara li dan għamel f’pajjiżna, huwa qal li l-potenzjal kollu tar-relazzjonijiet bejn il-Libja u Malta ma jistax jintlaħaq jekk fil-Libja ma jerġax ikun hemm is-sliem u l-istabbiltà; temi li Malta ilha titkellem dwarhom is-snin, inkluż fil-fora tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal li mal-kontraparti Libjan tiegħu iddiskuta wkoll dwar oqsma bħall-enerġija u s-saħħa, u esploraw il-potenzjal ta’ aktar koperazzjoni. Madakollu, tenna li, jekk ma jkunx hemm stabbiltà fil-Libja, dan it-tisħiħ fil-koperazzjoni ma jistax iseħħ.
Huwa osserva li, wara sentejn ta’ stabbiltà fil-Libja, din sfortunatament ixxelfet, imma t-tama hi li terġa’ tiġi stabbilita hekk kif il-poplu Libjan jitħalla jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu. Fakkar li r-relazzjonijet tagħna mal-Libja fil-passat wasslu għal koperazzjoni sħiħa fil-qasam tal-migrazzjoni u għal investiment għall-Maltin, fost l-oħrajn.