Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kull talba li jkollu quddiemu l-Kabinett tiġi proċessata b’responsabilità u mhux bil-metodu cheap u mmatur kif tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ.
Dan b’referenza għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ilbieraħ meta semma li hu jagħti l-proklama lis-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Grech qal ukoll li hu jagħti l-maħfra Presidenzjali lil Vince Muscat, il-Koħħu fuq każijiet oħra.
Intant il-Prim Ministru kkonferma li hemm talba pendenti għall-għoti tal-proklama.
Il-Kabinett jiddiskuti talba għall-maħfra Presidenzjali u jagħti r-rakkomandazzjoni jew le għall-maħfra wara parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru tenna li dwar dak li qal Vince Muscat fil-Qorti, fejn ġie allegat li Ministru fil-Kabinett kien involut f’att kriminali, huwa talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jistabilixxi għal min kien qed jgħid ix-xhud iżda x-xhud żamm fommu mitbuq.
“Il-ġustizzja ma tistax tinqaleb rasha ’l isfel u sieqha ’l fuq u jekk hemm xi ħadd li qed jagħmel allegazzjoni ma jistax iħalliha vaga”, saħaq Dr Abela mal-ġurnalisti barra l-Parlament.
Qal li Jason Azzopardi neża l-kappell politiku u libes il-kappell legali u fil-Qorti naqas isaqsi lix-xhud għal min kien qed jirreferi meta semma allegazzjoni.
Saħaq li Azzopardi għandu responsabilità biex jekk jaf min isemmi l-isem.
Il-Prim Ministru saħaq li hu jiddeċiedi meta l-affarijiet ikun sostanzjati għaliex il-ġustizzja ma għandhiex issir kif qed tagħmel l-Oppożizzjoni billi timmina proċess ġudizzjarju biex jissodisfa l-għatx u l-kilba li għandu għall-poter.