Malta għandha istituzzjonijiet li qed jaħdmu bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta l-Ħadd filgħodu kien mistoqsi dwar l-arrest ta’ bosta persuni akkużati fost l-oħrajn b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Mistoqsi mill-ġurnalisti ta’ bosta kmamar tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru qal li l-istituzzjonijiet taw riżultati effettivi.
Qal kif, “Istituzzjonijiet li qed jaħdmu b’mod indipendenti u bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Dak huwa l-messaġġ dak li ħareġ ilbieraħ u huwa l-messaġġ li meta wieħed jagħmel analiżi ta’ dak li għaddejna minnu fix-xhur li għaddew kien wieħed konsistenti.”
Hawhekk il-Prim Ministru nnota kif l-Oppożizzjoni f’dan il-każ qed tkejjel il-ħidma tal-istituzzjonijiet kif jaqbel lilha.
Spjega, “L-effettivita tal-Istituzzjonijiet tkejjilha skont kif jaqblilha. Meta lbieraħ kellna l-Pulizija li għamlet l-arresti u ressqet quddiem il-Qorti, ilbieraħ ħadmet tajjeb il-Pulizija. Meta kellna kummissarju tal-Pulizija li ftit tal-jiem ilu esprima l-ġudizzju tiegħu dwar l-investigazzjonijiet li kien għamel dwar każ ieħor għax dak li qal l-Kummissarju ma daqqx għal widnejjhom hemmek id-dubji reġgħu bdew deħlin.”
Għal aktar minn darba il-Prim Ministru tenna kif id-deċiżjonijiet dejjem se jittieħdu, anke biex il-ġustizzja sseħħ.
Qal, “Id-deċiżjonijiet neħduhom għax nemmnu bis-sħiħ fil-ġustizzja, aħna qed nuru li nemmnu b’mod sinċier, ħaddieħor qed jilgħab b’dan il-logħob u bi proċess ġudizjarju ma tilabx b’dawn l-istrateġiji.”
Dwar dak li ssemma fil-Qorti, li hemm Ministru fil-Kabinett implikat f’allegazzjonijiet li semma Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, il-Prim Ministru nnota kif l-Avukat Jason Azzopardi, li kien qed isaqsi fil-Qorti, ma staqsix dak li tgħid il-loġika.
Qal kif , “Jekk id-deputat Azzopardi jaf b’xi Ministru, isemmih. Jekk ix-xhud jaf b’xi Ministru, isemmih u jgħid x’inhu dan l-allegat involviment. Jien mhu se niddejaq nieħu l-ebda deċiżjoni jekk ikun meħtieġ. Lanqas nista’ nieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ dawn il-manuvri.”
Dr Abela semma bosta riformi li wettaq dan il-Gvern taħt it-tmexxija tiegħu li wasslu sabiex f’Malta tirrenja s-saltna tad-dritt, fosthom kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, ħaġa li wkoll qed turi l-frott tagħha f’kull livell.
Saħaq kif kien Gvern Laburista li ta r-riżorsi meħtieġa lill-FIAU.
Spjega, “Ejja nibagħtu messaġġ sod lill-Kummissarju tal-Pulizija illi aħna għandna fiduċja fil-ħidma tiegħu, ebsin kemm ikunu. Ejja nibgħatu messaġġ ta’ fiduċja lill-Qrati tagħna li rriduhom jagħtu deċiżjonijiet bi speditezza bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Fiduċja fil-Maġistrati inkwerenti li għandhom jgħalqu l-inkjesti li għandhom quddiemhom u ssir ġustizzja ma’ kulħadd, ma min naqas irid iħallas dak li għamel imma fl-aħħar mill-aħħar inkomplu nkattru l-ġid.”
Filwaqt li appella mhux għal għaġġla żejda iżda speditezza biex titwettaq il-ġustizzja, il-Prim Ministru nnota wkoll kif hemm każijiet oħra bħal dak tal-iskandlu taż-żejt li l-ġustizzja għadha ma saritx.