“Ir-realtà qed turina li dan is-suċċess ekonomiku, li tant kien mixtieq, ġab miegħu sfidi oħrajn. Sfidi li nkunu qed niżbaljaw jekk ma nirrikonoxxuhomx. Hekk biss tista’ tkompli ġġib il-bidla, tirrikonoxxi l-isfidi, ma tkunx supperv, imbagħad tindirizzahom.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali ta’ qabel il-baġit għas-sena d-dieħla, din id-darba mal-General Workers’ Union.
Fil-Workers’ Memorial Building, il-Prim Ministru sostna li l-Baġit għall-2025 qed jitfassal anke hekk kif il-Gvern qed jagħraf ir-realtajiet il-ġodda ta’ pajjiżna. Realtajiet li ġew mis-suċċess ekonomiku li nkiseb fl-aħħar snin.
Hawn Dr Abela semma anke l-ħidma li imbarka fuqha l-Gvern biex jindirizza dawn l-istess realtajiet, fosthom dawk li jolqtu lill-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom. Dawn jinkludu l-qbil storiku biex togħla l-paga minima mhux biss issa, iżda fis-snin li ġejjin ukoll, direttivi bħal dawk tal-Work Life Balance u tal-Pagi Trasparenti u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Prevedibbli.
Il-Prim Ministru sostna wkoll kif il-Gvern beda jindirizza r-realtajiet ta’ pajjiżna f’oqsma, bħal dawk tat-temping agencies, hekk kif dan issa ġie rregolat b’liġi ġdida fejn kull aġenzija irid ikollha liċenzja biex topera.
Dan minbarra li nnota kif il-Gvern indirizza wkoll il-qasam tal-platform work, permezz ta’ avviż legali li jirregola lill-istess qasam, filwaqt li xpruna reviżjoni f’numru ta’ swieq tax-xogħol fejn instab li mhemmx ħtieġa ta’ aktar ħaddiema barranin li jinġiebu f’pajjiżna biex jaħdmu fihom.
Dr Abela assigura wkoll li, mill-ġdid, il-Baġit se jkompli jżid il-pensjonijiet u jagħti stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Minbarra hekk, il-middle class f’pajjiżna se tkun qed tgawdi minn tnaqqis b’saħħtu fir-rata tat-taxxa tad-dħul. Miżuri li kollha huma possibbli minħabba s-saħħa ekonomika attwali li għandna.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima, Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.