“Il-governanza tajba tikkumplimenta t-tisħiħ fl-ekonomija, u b’mod li jinħoloq bilanċ, il-Gvern se jkompli jaħdem mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin biex l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli tissaħħaħ.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-amministrazzjoni tal-MDA, li matulha rrikonoxxa li s-settur tal-kostruzzjoni huwa mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija.
Il-Prim Ministru qal li b’din iż-żjara jrid jibgħat messaġġ li Gvern immexxi minnu jemmen fis-settur tal-kostruzzjoni, li jħaddem mat-43,000 persuna.
Dr Abela żied li għalkemm baqa’ ħafna xi jsir, fl-ewwel ġimgħa diġà ngħata sinjal ċar ta’ kif se jkun qed jitmexxa ’l pajjiż.
Temm jgħid li qed iħares ’il quddiem li jkompli jaħdem biex jissaħħaħ dan is-settur permezz ta’ djalogu u bilanċ, u huwa għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li l-ippjanar jingħaqad mal-ambjent ħalli ż-żewġ setturi jikkumplimentaw lil xulxin.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti, qal li ż-żjara tal-Prim Ministru jiem biss wara li ħa l-kariga, tibgħat sinjal ċar tal-impenn tiegħu u tal-Gvern biex ikomplu jaħdmu mal-industrija tal-kostruzzjoni.
Żjara li ddeskrivieha bħala turija tar-rieda ta’ kontinwazzjoni tad-djalogu miftuħ u sinċier li kien hemm fl-aħħar snin biex l-MDA tkompli tikkontrobwixxi fl-ekonomija.
Is-Sur Chetcuti nnota l-iżviluppi politiċi fl-aħħar xhur u appella biex il-Gvern immexxi minn Robert Abela, jaħdem biex tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.
Semma wkoll il-ħtieġa ta’ bidla radikali fis-sistema politika ta’ pajjiżna u qal li dan huwa ż-żmien ideali biex issir qabża fil-kwalità ta’ kif issir il-politika, fosthom billi l-Membri Parlamentari jkunu full-time.