Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex jiġi indirizzat tħassib ġenwin dwar l-emenda fil-Kodiċi Kriminali biex jiġu protetti saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala u tingħata ċ-ċertezza legali kemm lill-istess omm kif ukoll lill-professjonist.
Fi tweġibiet diretti u ċari daqs il-kristall lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li fost oħrajn kien hemm tħassib ġenwin dwar jekk l-intenzjoni ġenwina tal-Gvern kif kontenuta fl-emenda oriġinali setgħetx tiġi abbużata minn min m’għandux l-istess intenzjoni ġenwina.
Dr Abela saħaq li fl-emenda qed naraw li nilqgħu għal dak l-abbuż potenzjali filwaqt li l-emenda se tagħmilha ċara dwar il-vijabiltà tal-fetu, jiġifieri li jekk jista’ jgħix barra l-ġuf, allura dan jitwelled.
Il-Prim Ministru qal li dan mhuwiex xi proċess ta’ ġirja kontra l-ħin imma t-tħassib ġenwin irid jiġi indirizzat fl-emenda. Madankollu, il-prinċipju tal-ħarsien tal-mara f’każ ta’ periklu gravi għal saħħitha u f’każ ta’ riskju għal ħajjitha f’każ ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-tqala, jibqa’ importanti.
Dr Abela tenna li d-dispożizzjonijiet fil-liġi Maltija dwar l-abort kienu u se jibqgħu illegali.
Il-Prim Ministru qal li huwa għajb għall-Kap tal-Oppożizzjoni, li qed jittrivjalizza l-kwistjoni tal-ħarsien tal-mara biex isalva postu.