Fil-ġurnata li timmarka l-mitt jum minn mindu Robert Abela ħa l-ġurament bħala l-Prim Ministru, tkellem fil-Parlament u qal li s-seduta tal-Erbgħa hija prova ta’ kif l-elf proposta mwegħda se jinbidlu f’elf kisba.
“Jekk kien hemm prinċipju li jien dejjem imbuttajt kemm ili mmexxi dan il-pajjiż, huwa dak li nibnu fuq it-tajjeb li sar qabilna. Fl-istess ħin dejjem enfasizzajt li kull fejn nistgħu, nagħtu importanza lill-prijoritajiet ġodda li jirriflettu x-xewqat tal-ġenerazzjonijiet tal-lum. Anzi, iktar minn hekk, prijoritajiet li permezz tagħhom nieħdu ħsieb ukoll il-ġenerazzjoni ta’ għada. Dejjem nisħaq li m’għandniex nibżgħu naġixxu. M’għandniex noqogħdu lura milli nsibu soluzzjonijiet ġodda. Għalhekk il-poplu tana l-fiduċja tiegħu.”
– il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-diskors tiegħu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-ħidma ssuktat f’mument meta ħerġin minn pandemija u fi sfond ta’ gwerra ftit ’il bogħod minna.
Huwa tkellem fit-tul dwar il-ftehimiet li l-gvern Malti kellu mal-iSmartCity u mal-American University of Malta, li jeħtieġu jiġu riveduti, biex il-proġetti rispettivi jikbru u jkunu suċċess.
Dr Abela qal li l-Gvern wasal biex jieħu lura l-art taż-Żonqor.
“Ma rridx inkun tekniku ħafna, imma l-AUM se tirrinunzja mal-41,000 metru kwadru fiż-Żonqor u ftit inqas minn ħamest elef metru kwadru f’Bormla. Minflok, l-AUM se jkollha kważi tnejn u tletin elf metru kwadru fi SmartCity, li nofsha se tkun spazju miftuħ bi tletin fil-mija saħansitra aċċessibbli għall-familjli. L-AUM se tingħata wkoll titlu fuq ħames garaxxijiet f’boat yard f’Bormla, biex is-sit tal-AUM f’Bormla jingħaqad u jkompli jsir xogħol ta’ restawr li jżid il-potenzjal u jkompli jsebbaħ iż-żona.”
– il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru kien ċar. Bil-ftehim li tressaq fil-Parlament l-Erbgħa, il-pajjiż u l-Gvern ma tilfu xejn milli għandhom illum.
“Mhux se nagħmel bħall-kollegi ta’ faċċata u ngħid li, ladarba kienu jiftaħru tant bih Austin Gatt u Claudio Grech, għalija jista’ jfalli – jew saħansitra naħdem biex ifalli. Minflok, ngħid: għandna dan iċ-ċans li nagħmluh jaħdem aħjar, u hekk se nagħmlu, għax jekk jiġri hekk, igawdu minnu l-Maltin u l-Għawdxin.”
– il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma l-prinċipju tat-trasparenza u tkellem dwar tliet aspetti importanti li fuqhom ġie bbażat il-vot tal-Gvern favur ir-riżoluzzjonijiet imressqa.
“L-ewwel, l-ambjent. Qed nassiguraw li għexieren ta’ eluf ta’ metri kwadri jibqgħu fl-istat naturali tagħhom. Jibqgħu ODZ. Se ninvestu wkoll fi spazju miftuħ ġdid fil-Kottonera bħala parti mill-wegħda li għamilna ta’ iktar spazji miftuħa. It-tieni, l-impjiegi. Se naraw li nibqgħu nagħfsu u noħolqu l-ambjent biex noħolqu kemm jista’ jkun impjiegi u impjiegi ta’ kwalità. It-tielet, in-nofsinhar tal-pajjiż. Qed nibqgħu nuru li rridu li ż-żerriegħa li nżergħet fl-aħħar snin biex investiment f’din iż-żona jrendi u jħalli l-frott; anki nindukrawha u, iktar minn hekk, intervjenejna biex insaħħuha.”
– il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna l-impenn tiegħu u tal-Gvern li jmexxi, li dak imwiegħed, jitwettaq.
Dan għax il-Gvern irid jibqa’ joħloq l-impjiegi, iwettaq ir-riformi soċjali, u jimbarka fuq iktar proġetti ambjentali.
“Minn għada nkompli mmur ninawgura investiment ġdid. Fl-uffiċċju nibqa’ nilqa’ persuni minn madwar id-dinja li għandhom fiduċja fil-potenzjal f’dan il-pajjiż. Niddiskuti ma’ sħabi tal-Kabinett kif se nkomplu nwettqu riformi importanti; uħud minnhom se nħabbruhom fil-jiem li ġejjin. Għalhekk, l-appell tiegħi jibqa’ wieħed. Ersqu lejna bl-ideat. Ibqgħu emmnu f’dan il-pajjiż. Għax dan pajjiż li se jibqa’ joffri ġejjieni sabiħ. Għal niesu llum, iżda wkoll għal ġenerazzjonijiet futuri.”
– il-Prim Ministru Robert Abela