L-għan tal-gvern Malti huwa li, matul żmien ta’ sfidi, il-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli.
Qal dan il-Prim Ministru, Robert Abela, f’kummenti waqt is-Summit speċjali tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell.
Dr Abela saħaq li dak hu li għamel il-Gvern matul il-pandemija, li kompla jagħmel meta eskalat it-tensjoni fil-fruntiera tal-Ukrajna, u dak li ħa jibqa’ jagħmel.
Il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll dwar is-sigurtà tal-ikel, fid-dawl ta’ żieda fil-prezzijiet tal-prodotti l-aktar bażiċi.
Fid-dawl ta’ dan, il-Prim Ministru qal li Malta, kif diġà għamlet bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ għajnuniet, se tkun qed tagħti aktar għajnuna diretta lill-bdiewa bis-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni.
Il-Prim Ministru żied jgħid li l-intenzjoni tal-Gvern hija li jibqa’ jsostni lill-bdiewa, kif diġà sar permezz tal-għajnuniet fuq il-qamħ u fuq l-importazzjoni tal-materja prima.
F’din il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru għadda l-messaġġ sabiex l-Unjoni Ewropea tikkordina ma’ kulħadd, għaxdin mhijiex biss kwistjoni tal-Unjoni jew ta’ Malta biss.
F’din il-laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej ġie diskuss il-pjan imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea, magħruf bħala r-RePowerEU.
Dan il-pjan huwa ta’ €300 biljun, u għandu jwassal biex tinqata’ d-dipendenza tal-Ewropa mill-enerġija Russa u biex il-kontinent ikollu enerġija sostenibbli qabel l-2030.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għan ta’ dan il-pjan huwa li jinċentiva u jgħin l-Istati membri tal-Unjoni biex jiddiversifikw il-provvista tal-enerġija tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern iqis dan il-pjan bħala wieħed interessanti għax fih, fost l-oħrajn, proposti ġodda dwar kif jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija li ġejja mix-xemx.
Dr Abela spjega kif dan il-pjan jinkludi wkoll il-possibilità ta’ fondi addizzjonali Ewropej. F’possibilità ta’ diskussjoni dwar dan, il-Gvern, bħalma għamel fil-passat, se jinsisti għas-sehem ġust ta’ Malta.
Matul din il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll dwar kif l-Ukrajna tista’ terġa’ tinbena mill-ġdid wara l-gwerra, u qablu dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ €9 biljun.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern Malti jappoġġja din l-idea ta’ aktar diskussjonijiet dwar ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ sħab internazzjonali.
F’din id-diskussjoni ħa sehem ukoll i, b’mod virtwali, il-President Ukren, Volodymr Zelenskyy.
AQRA WKOLL: