L-għaqda fil-Partit Laburista u l-moviment li nbena madwaru se tibqa’ tassigura li l-gvern jissokta jbiddel il-pajjiż biex jagħmlu ‘future proof’.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat, f’laqgħa politika f’Ħaż-Żebbuġ.
F’diskors iffokat dwar il-ġejjieni ta’ pajjiżna, Joseph Muscat, għamilha ċara li l-poplu għażel il-bidla u f’diversi oqsma l-mistoqsija mhix jekk il-bidla ssirx imma kif se ssir.
Peró, innota l-Prim Ministru, biex wieħed jgħaqqad il-pajjiż irid ikollu partit magħqud.
“Jekk ma jkollokx partit magħqud ma jistax ikollok l-aspirazzjoni li tgħaqad lill-pajjiż, li tispira lill-poplu li jinġabar warajk. Ma jfissirx li aħna naqblu fuq kollox. Imma li naqblu dwar il-prinċipji u nafu fejn sejrin flimkien,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar l-esperjenza sabiħa ta’ din it-tieni leġiżlatura fejn qed jirrenja entużjażmu u ħidma bla waqfien f’tim maqgħud u mimli talenti.
Meta spjega fid-dettal dwar il-ħtieġa tal-għaqda qal li t-tweġiba għal min jistaqsi kif dan il-moviment baqa’ magħqud hija l-imħabba lejn il-pajjiż, l-ugwaljanza u l-mobbiltà soċjali.
“Jirnexxielna għax dan il-moviment mhux moviment ta’ interessi li huwa magħqud madwar min l-uniku ħaġa li tgħaqdu hi li jkun fil-gvern. Aħna dak li jgħaqqadna hu dak li rridu nbiddlu fil-pajjiż. Meta jkun hemm kwistjonijiet jaħarqu, kbar, ħadd ma jirnexxielu jdaħħal feles fostna. Għax f’mumenti diffiċli aħna ninġabru fina nfusna u nistaqsu fix nemmnu aħna,” spjega Joseph Muscat.
“Dan mhux il-moviment li se jargumenta għaliex kollox għandu jibqa’ l-istess,” iddikjara b’mod ċar il-Prim Ministru li nnota kif l-argumenti min naħa ta’ dawk li kkontestaw it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar tliet xhur, kienu għaliex m’għandniex inbidlu l-pajjiż.
“Qalu għaliex m’għandniex ikollna diskussjoni dwar il-prosituzzjoni, dwar ir-riformi fil-liġijiet tad-droga… il-ħsieb dejjem kien għaliex għandna nibqgħu l-istess. Aħna l-argument tagħna u għaliex għandna nbiddlu. Għax li nkunu kuntenti b’fejn aħna llum, mhux se jkun biżżejjed għal uliedna,” tenna Joseph Muscat.
Bidla mifruxa f’diversi setturi
Joseph Muscat tkellem dwar kif il-bidla trid tkun mifruxa f’diversi setturi.
Fost oħrajn hemm bżonn il-bidla fl-ekonomija fejn pajjiżna issa jrid ikun fuq quddiem f’oqsma ġodda bħal blockchain.
Irid ikompli jibdel ukoll fil-qasam tal-ugwaljanza, mhux biss bejn persuni gay.
Hemm bżonn tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. “Mhux aċċettabbli li mara u raġel jitħallsu differenti għall-istess xogħol,” qal Joseph Muscat li nnota l-bżonn tal-bidla fir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika. “Il-mandat tagħna mhux biex niddiskutu ngħamluhiex, imma kif se ngħamlu l-bidla,” qal Joseph Muscat li fakkar kif fix-xhur li ġejjin ir-rappreżentanza tan-nisa fil-qasam politiku wkoll trid tkun imsaħħa.
Hemm ukoll il-bidla fil-liġijiet dwar il-prostituzzjoni. “Tniggiżni l-kuxjenza. Dan il-qasam ma nistgħux nħalluh kif inhu,” qal Joseph Muscat li rrefera għal rapport dwar it-traffikar tan-nisa u tenna li lil hinn mill-argumenti morali pajjiżna ma jistax jgħalaq għajnejh għall-iskavitù. “Hemm bżonn il-protezzjoni tal-vittmi,” tenna l-Prim Ministru.
Irrefera wkoll għall-kwistjoni tal-kannabis fil-qasam mediku u rikreattiv.
“Issa, ma nafux li eħfef li ma tgħamel xejn?” innota l-Prim Ministru li peró tenna kif sal-lum falliet il-ġlieda kontra d-droga u għalhekk trid issir id-diskussjoni dwar it-triq ‘il quddiem.
Tkellem ukoll dwar l-IVF. Fost oħrajn semma l-iffriżar tal-embrijuni fejn fakkar kif diġa’ hemm ċirkostanzi fejn pajjiżna l-esperti jiddeċiedu dwar din, tant li f’Mater Dei hemm embrijuni friżati. “Issa d-diskussjoni mhijiex għandniex ikollna l-iffriżar jew le. Dik hemm qiegħda. Id-diskussjoni xi jsir minnhom. X’responsabbiltà hemm,” qal Joseph Muscat.
Qal li fid-dibattiti interni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista l-messaġġ kien dwar dawn l-oqsma nħallu kollox l-istess. “Mhix għażla dik,” qal il-Prim Ministru għal darba tnejn.
Malta għandha għażla aħjar
Il-Prim Ministru awgura lill-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, l-avukat Adrian Delia. Irrefera għad-dibattitu li ma kienx hemm għażla għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u rrefera għall-argument li l-Partit Nazzjonalista għażel lil Delia għax ma setax jagħżel aħjar.
Hawn sostna: “Malta għandha għażla u se tkompli tagħżel aħjar.”
Joseph Muscat qal li fi żmien li ġej se jistieden lil Adrian Delia biex jiltaqgħu.
“Mhux għax bilfors se naqblu. Anzi ħafna mill-affarijiet li semmejt illum milli jidher ma naqblu f’xejn. Imma hija kwistjoni ta’ attitudni,” qal Joseph Muscat li nnota kif sfortunatament l-Oppożizzjoni għażlet li ma tieħux sehem f’kumitat dwar x’se jiġri mill-iskart f’pajjiżna. Tenna li l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista għandu jirrevedi din id-deċiżjoni.
Meta kkummenta dwar kif il-Partit Laburista jħares lejn il-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista jwieġeb b’umiltà fejn se żomm idejh fuq il-polz tan-nies. Awgura li l-oppożizzjoni ma tkunx iktar negattiva u fisser kif minn dawn igawdi l-pajjiż.
Joseph Muscat temm jgħid li l-Partit Laburista jieħu gost b’dan għax ir-riżultat tiegħu ma jiddependix fuq dan iżda fuq il-ħidma tiegħu għall-pajjiż, fejn l-Aqwa Żmien għadu ġej.