Il-Prim Ministru Robert Abela kien preżenti waqt il-Forum tal-Paċi f’Pariġi, fejn attenda għal konferenza internazzjonali marbuta mal-Libja, wara li ġie mistieden mill-President ta’ Franza, Emmanuel Macron.
Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru saħaq dwar l-importanza li l-Libja jkollha elezzjonijiet ġusti, liema riżultati jkunu rispettati, u dawn l-elezzjonijiet ikunu mmexxija mill-poplu Libjan.
Huwa sostna li l-komunità internazzjonali, speċjalment il-ġirien tal-Libja, huma kruċjali fit-triq tal-pajjiż lejn il-paċi u l-iżvilupp.
Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma li wasslet għal aktar stabbilità u sigurtà fil-Libja, u ħeġġeġ lill-poplu Libjan sabiex joħloq soċjetà ġusta. Dan billi jkompli jsaħħaħ l-pedament tal-pajjiż, li jiffoka fuq ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali u r-rijunifikazzjoni tal-isttituzzjonijiet.
Huwa rringrazzja lill-President Franċiż Emmanuel Macron għall-inizjattiva li ħa, u stqarr li r-riżultati tal-konferenza għandhom jgħinu biex it-tranżizzjoni demokratika fil-Libja ssir mill-aktar fis possibbli.
Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-OECD, Mathias Cormann.
Hu u Cormann tkellmu fuq il-ġlieda kontra l-pandemija u sfidi oħra komuni li hemm bżonn jiġu indirizzati, bħat-tibdil fil-klima.
Intant, waqt l-istess forum, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li madwar id-dinja l-inugwaljanzi għadhom jeżistu u jeħtieġ li jiġu indirizzati.
Hija sostniet li dan mhux b’sens ta’ karità imma għandu jkun hawn ħidma biex kull persuna jkollha kwalità ta’ ħajja tajba, u din għandha tkun garantita għal kulħadd.
Is-Sinjura Abela aċċennat ukoll għall-fatt li l-preżenza tal-Viċi President tal-Istati Uniti Kamala Harris kienet waħda sinifikattiva.