F’rally bit-tema Malta Flimkien fiż-Żejtun u li għaliha attendiet folla sabiħa, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-importanza tal-vot nhar is-26 ta’ Marzu sabiex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem lejn aktar prosperità.
Dan hekk kif tenna li xejn ma hu garantit u li f’din it-taqtiegħa li se taffetwa l-futur ta’ pajjiżna kollox se jibda minn xejn b’xejn.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll il-kuntatt kontinwu man-nies u r-rispons tagħhom għall-proposti tal-Partit Laburista tul din il-kampanja elettorali.
Semma fost oħrajn il-proposta tat-tnaqqis fil-corporate tax rate, il-garanzija għat-tfal, l-allokazzjoni ta’ €700 miljun għal aktar spazji ħodor u ħafna iktar.
Sostna kif dawn huma kollha proposti mingħajr termini u kundizzjonijiet b’differenza għal dawk tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Abela semma wkoll il-proposta tat-traħħis fit-taxxa li se tħalli medja ta’ €300 fil-bwiet tan-nies għall-kuntrarju ta’ dik tal-Partit Nazzjonalista li biha 96% tan-nies se jmorru minn taħt biha.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għall-isfidi li qed jaffaċċja pajjiżna f’kuntest ta’ dak anke li għaddej fl-Ukrajna u b’hekk l-importanza li l-Partit Laburista jerġa’ jingħata l-fiduċja sabiex ikompli jmexxi lill-pajjiż għaliex hu l-unika Partit li għandu kreddibiltà fit-tmexxija.
Madankollu kien hawn li Dr Abela reġa’ tenna l-importanza tal-vot sabiex dawn il-proposti kollha jiġu implimentati.
Fosthom dik li se twessa’ s-servizzi tal-IVF biex skond il-wegħda tal-Prim Ministru fl-ewwel mitt ġurnata tiġi attwata.
B’hekk quddiem merħba sabiħa, il-Prim Ministru tenna li għandu bżonn il-poplu miegħu hekk kif fadal biss ftit jiem għas-26 ta’ Marzu.