Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mas-Segretarji Permanenti tal-Ministeri, li matulha saħaq fuq l-effiċjenza u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern biex ikun sostnut l-investiment u t-tkabbir ekonomiku.
Fl-ogħla forum tal-Amministrazzjoni Pubblika, il-Prim Ministru spjega li l-messaġġ ta’ għaqal u prijoritajiet f’ġieħ l-istabilità u s-sostenibbiltà mhux se jfissru tnaqqis fir-ritmu tal-ħidma.
Fl-istess jum li tnieda d-Dokument ta’ qabel il-Budget, il-Prim Ministru aċċenna li l-Gvern għandu pjan biex jibqa’ jsostni lin-nies frott l-investiment u t-tkabbir ekonomiku li pajjiżna qed jibqa’ jesperjenza.
Fil-preżenza wkoll tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif irridu nibqgħu naħdmu mas-settur privat li qed juri fiduċja f’pajjiżna.
Hawn semma fost oħrajn ċifri mis-settur tal-ospitalità għal din is-sena li jiżbqu dawk li kellna qabel il-pandemija, b’għaxra fil-mija.
“Għandna riżultati li jimlewna b’fiduċja kemm fuq tkabbir ekonomiku u anki b’rabta mal-investiment. Il-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ ingħata l-fiduċja mill-poplu u aħna lkoll, fl-irwol differenti li għandna fil-Gvern, irridu naħdmu biex dan il-manifest li issa huwa l-programm ta’ ħidma tagħna, jitwettaq kollu kemm hu”, saħaq il-Prim Ministru waqt li kien qed jindirizza lis-Segretarji Permanenti.
Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa t’aktar tnaqqis fil-burokrazija u favur tmexxija retta iżda b’effiċjenza u ħeffa biex il-programm riformista tal-Gvern jibqa’ għaddej favur il-ħtiġijiet tal-pajjiż u l-poplu.