F’intervista mxandra fuq ONE waqt il-maratona ġbir ta’ fondi organizzata mill-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela saħaq li bħala poplu, flimkien jeħtieġ inwieġbu għas-sejħa tal-booster tal-vaċċin għall-Covid-19, biex nippriservaw dak li ksibna.
Fl-intervista l-Ħadd filgħaxija, Dr Abela qal li jekk inħarsu lejn pajjiżi Ewropej oħra hemm żieda qawwija ta’ infezzjonijiet u rata qawwija ta’ persuni jidħlu l-isptar għall-kura wara li ġew infettati bil-Coronavirus.
Qal li sfortunatament qed naraw f’ċertu pajjiżi anki rata qawwija ta’ persuni jiddaħħlu għall-kura intensiva u żieda fir-rata ta’ mortalita.
Dr Abela saħaq li dan mhux il-każ f’Malta għaliex kellna programm ta’ tilqim b’saħħtu iżda jeħtieġ inżommu din is-sitwazzjoni f’pajjiżna billi nilqgħu l-istedina għat-teħid tal-booster.
“Mingħajr ma nkun pessimist nemmen li l-Covid-19 se tibqa’ magħna għal żmien pjuttost twil iżda f’pajjiżna qed ngħixu normalità ġdida bi ftit restrizzjonijiet u għalhekk il-vaċċin huwa s-soluzzjoni għall-pandemija u l-vaċċin tassew jaħdem”, irrimarka l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar temi ambjentali u ħidma oħra li saret fl-aħħar xhur, b’Dr Robert Abela jisħaq li l-pandemija ma fissritx li l-Gvern jieqaf jaħdem f’setturi oħra iżda minflok ħadem iżjed bħal fil-qasam infrastrutturali ta’ pajjiżna bi proġetti li qed jindirizzaw it-traffiku fil-pajjiż.
Semma wkoll il-bidliet favur governanza aktar b’saħħitha u li dawn l-istess bidliet irċievew it-tifħir ta’ bosta istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.
Dwar l-ambjent saħaq li l-Gvern qed jagħti inċentivi biex tassew jindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima bħall-iskema ta’ għotja sa €12,000 għax-xiri ta’ vetturi hybrid jew elettriċi.
“Aħna nirrakkomandaw lin-nies biex jagħmlu qalba u bi skema li tajna fil-Budget, li ntlaqgħet tajjeb, qed inħallsu nofs l-investiment li jagħmlu n-nies f’xiri ta’ vettura li tniġġes inqas”, irrimarka l-Prim Ministru.
“L-ambjent huwa essenzjali jekk se nibqgħu nitkellmu fuq it-titjib fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies”, saħaq il-Prim Ministru li semma wkoll miżura oħra tal-Budget ta’ għotja fi flus lil dawk li jixtru proprjetà battala f’żona ta’ konservazzjoni urbana.
Il-Prim Ministru semma wkoll proġetti ta’ spazji miftuħa bħal dak ta’ Wied Fulija u tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
Saħaq li dawn mhux proġetti iżolati hekk kif issa hemm ukoll il-pjanijiet għall-Park tal-Inwadar.
Dr Abela semma wkoll l-iskema ta’ New Hope fejn persuni li kienu morda jew għandhom xi kundizzjoni, il-Gvern se jidħol garanti għalihom biex ikunu jistgħu jieħdu self għax-xiri ta’ proprjetà.
Il-Prim Ministru aċċenna fuq ir-ruħ soċjali tal-Gvern li jmexxi u saħaq li bil-Budget għas-sena li ġejja se jkun qed jindirizza iżjed l-isfidi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-proġett tal-Ibwar, li b’investiment u sostenn tal-Gvern, se jiġu mgħejjuna adoloxxenti jegħlbu l-vizzju tad-droga.
Il-Mexxej Laburista qal li l-moviment li jmexxi jżomm il-fiduċja tan-nies bil-ħidma.
“Ma nistgħux nieħdu l-fiduċja tan-nies for granted” saħaq il-Prim Ministru.
“Aħna m’aħniex dak il-moviment fejn min jaqbilx magħna, ngħidulu mixtri bħar-referee”, irrimarka l-Prim Ministru, li saħaq li min ma jaqbilx miegħu jpoġġi bilqiegħda miegħu, jisimgħu u jiddiskuti miegħu.
Il-Prim Ministru temm b’appell ieħor għal dawn iż-żminijiet ta’ festi u saħaq li dan il-Milied m’huwiex bħal dak ta’ qabel il-pandemija u jeħtieġ nibqgħu nosservaw il-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa iżda jinsab ottimist għas-sena li ġejja.