Fi tweġibiet lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq it-teħid tal-vaċċin kontra l-Covid-19, issa anki tad-doża addizzjonali tal-vaċċin.
Dr Abela qal li l-vaċċin qed jgħinna nibqgħu ngħixu b’ numru relattivament żgħir ta’ miżuri ristrettivi, meta mqabbel mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej u saħaq li n-numru ta’ każijiet fl-isptarijiet huwa kkontrollat.
Huwa stqarr: “Flimkien mat-teħid tal-vaċċin, flimkien mat-teħid tal-booster dose, nosservaw ukoll dak l-ammont, nista’ ngħid li huwa ammont relattivament żgħir ta’ miżuri restrittivi oħra, u meta tgħaqqad dawn il-miżuri kollha flimkien, dawn qed iwasslu, qed ngħixu differenti minn pajjiżi oħra madwar id-dinja, ħajja li tista’ tgħid li hija qrib ħafna tan-normal. L-appell tiegħi jibqa’ wieħed ta’ responsabbiltà. Se nkunu nistgħu nkomplu b’dak li qed ngħixu illum għaliex sa issa għandna infezzjonijiet, każijiet aktar minn infezzjonijet li ddaħħlu l-isptar fih s’issa, partikolarment fil-kura intensiva, li baqgħu taħt kontrol u u għalhekk il-parir li għadna mill-awtoritajiet tas-saħħa li nistgħu nibqgħu, jiġifieri ma hemmx ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali.”
Fi tweġiba oħra lill-ġurnalisti, Dr Abela saħaq li l-Gvern se jibqa’ jinsisti ma’ Steward Healthcare biex din tonora l-obbligi kuntrattwali fuq l-isptarijiet fdati lill-kumpanija.
Il-Prim Ministru rrimarka li l-pożizzjoni tiegħu flimkien ma’ dik tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u l-Gvern sħiħ, hija waħda komuni u magħquda fuq il-kwistjoni: “Min-naħa tal-Gvern, se jibqa’ jkun hemm l-ottemperanza fuq il-konformità ma’ dawk il-klawsoli kuntrattwali. Kull fejn Steward jonqos milli josservahom, il-Gvern se jkun qed jaġixxi b’kull mezz legali. It-tieni punt li xtaqt ngħid huwa li rigard klawsola tal-mitt miljun, il-Gvern se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex jekk ovvjament Steward tagħżel li titlaq mill-konċessjoni, il-Gvern ħa jagħmel dak kollu li hu legalment possibbli biex jevita li jħallas dak l-ammont.”
Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar Roberta Metsola u n-nomina tagħha għall-President tal-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru qal li kieku ma jappoġjax in-nomina ta’ Metsola, hu jkun qed jaħdem kif ħadmet Metsola fil-konfront ta’ pajjiżna.
Intant il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq il-messaġġ tal-Gvern kontra l-vizzji iżda fl-istess ħin jagħraf realtajiet u li fuqhom ma jikkastigax inġustament: “Il-Gvern bl-ebda mod ma qiegħed jibgħat il-messaġġ, jew japprova illi ikun hemm l-użu tal-kannabis, iżda fl-istess ħin irridu nagħrfu r-realtà li jagħmlu din l-għażla liberà. Jekk in-nies jagħmlu dik l-għażla ħielsa, minkejja kull kampanja edukattiva f’sens kuntrarju, ma rridux naraw li jekk in-nies jispiċċaw il-ħabs jew bil-kondotta tagħhom, li hija mtebba b’mod li tipprekludihom il-possibilità ta’ opportunitajiet ġodda fosthom impjiegi ġodda li huma diċenti. Dawn huma realtajiet li fis-snin li għaddew għexniehom.”