Valuri tradizzjonali jew koalizzjoni progressiva ta’ diversi forzi politiċi fuq ix-xellug? Dan hu d-dibattitu li qed ikun fuq quddiem tal-aġenda tal-Partit Soċjalista, ftit xhur qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
F’kummenti mas-sit Ewropew Politico waqt is-summit tal-Partit Soċjalista Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Partit Soċjalista Ewropew għandu ċans li jegħleb l-isfida mil-lemin. Iżda dan biss jista’ jsir jekk il-Partit Soċjalista jinfetaħ għal koalizzjonijiet ma’ diversi forzi politiċi fl-Ewropa mix-xellug saċ-ċentru, saħaq il-Prim Ministru.
Huwa ġab l-eżempju kif mal-Partit Soċjalista jistgħu jingħaqdu l-partit xellugi Syriza ta’ Alexis Tsipras fil-Ġreċja u l-partit ċentrista En Marche ta’ Emmanuel Macron fi Franza.
Il-Prim Ministru Malti għamel appell biex is-Soċjalisti jimxu lil hinn mill-kumdità tal-ideoloġija tal-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza. Tenna li dawn il-valuri saru aċċettati minn kważi kulħadd u li b’hekk m’għadhomx distinti għall-ideoloġiji tax-xellug biss.
Sostna li jridu jiġu indirizzati oqsma li fil-fehma tiegħu l-Partit Soċjalista m’huwiex ċar biżżejjed dwarhom, bħat-tqassim tal-ġid, is-sigurtà u l-immigrazzjoni.
Oqsma, li f’Malta l-Partit Laburista fil-Gvern għamilhom pilastri integrali tal-ħidma tiegħu fejn qed jikber il-ġid permezz ta’ ekonomija li qed tikber. Iżda mhux biss, hekk kif il-ġid li qed jinħoloq qed jitqassam b’mod iktar ekwu.
Fejn is-surplus iġġenerat qed jissarraf f’pensjonijiet ogħla, f’childcare b’xejn, investiment fl-infrastruttura u t-toroq, il-bini ta’ skejjel ġodda, manutenzjoni u tisbiħ fi skejjel eżistenti, fost l-oħrajn.
Mal-Politico, Dr Muscat tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni fejn qal li l-ikbar sfida dwar din il-materja fl-aġenda Ewropea hija li qed tiġi diskussa leġislazzjoni li kienet miktuba f’ċirkustanzi ġeopolitiċi differenti.
Qal li l-ftehimiet ad-hoc li ġew maqbula f’diversi każi ta’ dgħajjes b’immigranti fuqhom kienu frott ta’ koalizzjoni ta’ dawk li jridu li ssir xi ħaġa.
Sostna li fil-preżent hija l-unika soluzzjoni realistika, għax fil-fehma tiegħu ftehim fuq livell Ewropew huwa diffiċli biex jintlaħaq bil-mod kif inhuma maqsumin gvernijiet differenti.