Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur. Huwa qal dan waqt laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Kunsill Konsultattiv tad-Drittijiet tan-Nisa f’Kastilja.
Il-Prim Ministru sostna li din hija waħda mill-prioritajiet ewlenin ta’ dan il-Gvern, li l-ebda persuna m’għandha tiġi ddiskriminata abbażi tal-ġeneru. Tenna l-impenn tiegħu fir-rigward madankollu spjega li din hija wiegħda li se ġġorr magħha impatt finanzjarju għalhekk qal li għandha bżonn titwettaq b’mod raġonevoli bil-għan li ma jkun hemm l-ebda xokk fuq il-postijiet tax-xogħol.
Dr Abela spjega wkoll li l-ħidma favur rappreżentanza akbar tas-sess feminili tmur lil hinn minn dan u fakkar fil-pjan tal-Gvern biex mill-elezzjoni ġenerali li jmiss jiġi skattat mekkaniżmu li se jkun qed joħloq bilanċ bejn is-sessi fuq il-bankijiet tal-Parlament.
Qal li meta wieħed iħares lejn l-istorja tal-Parlament wieħed jinnota li n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-parlament tan-nisa baqgħet konsistenti tul is-snin.
F’isem il-kunsill konsultattiv, il-Professur Josanne Cutajar spjegat li tul dawn l-aħħar snin il-gender pay gap dehret li żdiedet hekk kif aktar nisa daħlu fis-suq tax-xogħol.
Cutajar spjegat ukoll li bħalissa ħafna nisa huma mpjegati fis-setturi tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ħarsien u hawnhekk appellat aktar nisa sabiex isegwu programmi ta’ studji fl-oqsma tat-teknoloġija u x-xjenza.
Il-Professur Cutajar kkundannat kull forma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u talbet għal aktar ħidma kontra l-vjolenza domestika.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Rosianne Cutajar.