Fl-Imtarfa l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sens wiesgħa tal-ħelsien b’rabta maż-żieda tar-rappreżentanza tan-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Saħaq li tul l-istorja elettorali ta’ pajjiżna jeżisti fatt li aħna bħala pajjiż ma nistgħux naċċettawh.
“Kif nistgħu aħna naċċettaw il-fatt, kif nistgħu naċċettaw il-fatt illi kemm ilhom isiru elezzjonijiet f’pajjiżna ġew eletti mijiet t’irġiel u ġew eletti biss sebgħa u għoxrin mara.”
Dr. Muscat spjega li bil-proposta li ressaq il-Gvern se jara tnax-il persuna oħra eletti fil-Parlament minn dak il-ġeneru li jinsab l-aktar fil-minorità, li fil-każ tal-lum huwa n-nisa.
Huwa rrefera għal bastiment li nħataf minn xi immigranti u filwaqt li rringrazzja lil forzi tal-ordni li ħadu l-prekawzjonijiet meħtieġa meta ma kinux jafu x’ħa jsibu huwa wieġeb għall-irjiħat razzisti li l-moviment li jmexxi hu jrid ikun fuq quddiem li jieqfilhom.
“Għax huwa disgustanti l-livell ta’ razziżmu, ta’ intolleranza illi jkun jeżisti f’xi waqtiet u aħna rridu nagħtu l-eżempju. Dan il-moviment irid jagħti l-eżempju. Se nerġa’ ngħid aħna u jien l-ewwel wieħed m’iniex se nkun qed nipponta subgħajja lejn min iħossu li hemm nuqqas ta’ sigurtà għaliex jgħix f’żona fejn hemm ħafna barranin. Ngħid li rridu nifhmu dawk iċ-ċirkustanzi u għalhekk saqsu lin-nies tal-Marsa l-livell ta’ sigurtà li għollejna fil-post.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar it-tisħiħ tal-ekonomija Maltija u qal li llum pajjiżna daħal f’niċeċ ġodda li lanqas biss konna noħolmu bihom.
“Issa qed nindunaw li hawn ħafna kumpaniji li qed itellgħu satelliti fl-ispazju. Dawn x’imkien iridu jirreġistrawhom. X’imkien iridu jiġu regolati. Qed nagħmluha għall-ewwel darba. Qed nipproponu illi nidħlu f’dan il-qasam innovattiv. L-innovazzjoni illi ħa tkun waħda mid-drivers il-kbar tal-ekonomija, tax-xogħol fis-snin li ġejjin.”