“Dan il-pajjiż igawdi mis-saltna tad-dritt. Fl-aħħar snin saru riformi kbar u b’saħħithom biex dan seta’ jseħħ.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, fejn fiha indirizza lill-ġurnalisti dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Hawnhekk Dr Abela semma mill-ġdid it-timeline ta’ din l-inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella, li kellha tingħalaq f’60 jum, iżda ngħalqet ħames snin wara.
Saħaq kif inċidentalment ingħalqet mal-ftuħ tan-nomini għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Ma naqasx li hawnhekk anke jagħmel referenza għal-leakages li saru tul dan il-proċess, b’membri mill-għaqda Repubblika kienu jafu x’se jsir minn qabel.
Segwiet ukoll sensiela ta’ leaks li kien hemm minn din l-inkjesta, segwiet ukoll kif inhu pubblikament magħruf min mingħajr ebda mistħija kien iħabbar minn qabel meta se jsiru ċerta searches, segwiet ukoll episodju ta’ persuni li kienu preżenti waqt li kienu qed isiru s-searches, persuni li ma kellhom bl-ebda mod ikunu preżenti jew ikunu infurmati li se jsiru searches, iżda kienu preżenti barra r-residenzi meta saru dawn is-searches.”
Intant, il-Prim Ministru tenna wkoll li l-proċess li għadu jrid jinbeda issa fil-konfront ta’ numru ta’ persuni jrid ikollu għan wieħed, dak tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.
“Il-proċess li issa għad irid jinbeda kontra numru ta’ persuni, irid ikollu għan wieħed u għan wieħed biss, ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja jiġifieri li l-ġustizzja titwettaq mingħajr ebda mottivi warajha iżda biss li jsir il-ħaqq u s-sewwa.”
Il-Prim Ministru sostna dan filwaqt li tenna kif bħalissa ma nistgħux nitkellmu dwar xi ħadd jew xi wħud li huma ħatja, iżda bħalissa hemm żgur preżunzjoni ta’ innoċenza.
Il-Prim Ministru anke staqsa dwar għaliex tressqu xi nies, li ddeskrivihom bħala “servjenti leali tal-istat”, li fil-proċess tal-inkjesta Maġisterjali qatt ma ssejħu mill-Maġistrat Vella biex jgħidu l-verżjoni tagħhom.
“Jekk hux minnu li llum tressqu persuni li huma servjenti leali tal-istat jew kienu servjenti leali tal-istat li l-Maġistrat inkwerenti ordnat li jitressqu quddiem il-Qrati tagħna bla ma mqar qatt semgħethom, bla ma mqar qatt qaltilhom li qed jiġu investigati. Jekk dan huwa minnu ninsab dispjaċut ferm. Dispjaċut mhux għalija nnifsi. Dispjaċut għaliex jekk huwa minnu dan li l-kors tal-ġustizzja li l-proċess tal-ġustizzja tħalla jaqa’ f’dan il-livell.
Hawnhekk hu, għal darb’oħra, appella biex jiġi ppubblikat minnufih il-proċess verbal tal-inkjesta Maġisterjali.
Temm anke billi appella biex kulħadd jibqa’ kalm, filwaqt li l-Gvern jibqa’ jaħdem fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż.
Akkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.