Fost it-temi li l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwarhom waqt il-mistoqsijiet lill-ġurnalisti kien hemm dik b’rabta mat-tema tal-libell kriminali.
Dr Abela fakkar kif dan kien tneħħa biex jissaħħu l-ġurnalisti, però nnota kif dan il-vantaġġ qed jintuża wkoll minn nies oħrajn li mhumiex ġurnalisti.
“Realtà ta’ klikka żgħira ta’ nies li jippretendu li huma ġurnalisti, imma mhumiex ġurnalisti, li jippretendu li jipprofessaw is-sewwa, imma li għandhom l-aġenda tal-ħażen warajhom. Grupp żgħir ta’ nies magħmul minn interessi differenti, li m’għandhom xejn mis-sewwa u li jużaw pjattaformi onlajn, biex ikissru nies ta’ rieda tajba, nies li lesti jagħtu kontribut fil-politika, nies li lesti jagħtu kontribut fil-ħajja pubblika, l-aġenda tagħhom tkun li jkissru.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn Dr Abela tenna kif jaqbel li jidħlu fis-seħħ rimedji kontra min jabbuża b’dan il-mod, filwaqt li tibqa’ tiġi rispettata l-libertà tal-espressjoni.
“Dawn l-attakki personali insensati minn klikka żgħira ta’ nies li għandha aġendi moħbija li m’għandhomx mis-sewwa, għax kieku għandhom mis-sewwa ma jimpurtax, imma li m’għandhomx mis-sewwa u għandhom l-interess uniku li jimbottaw interessi moħbija ’l quddiem u fil-proċess ikissru nies tajbin, is-soċjetà trid tieqfilhom mhux il-Partit Laburista jew il-Prim Ministru, jew il-Partit Nazzjonalista, kulħadd għandu l-interess li jieqfilhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela