Fid-diskors tiegħu tal-lejla fil-Parlament il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern lest jiftaħ diskussjonijiet fil-qasam ta’ konvenzjoni kostituzzjonali imma mhux bl-iskuża biex intawlu dak li jista’ jsir fil-qrib.
Meta kien qed iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, dwar diskors li għamel meta fetaħ id-dibattitu dwar it-tisħiħ tal-istutuzzjonijiet, Muscat qal li dan huwa Gvern li tela’ bl-għajta tal-bidla, wettaq il-bidla fl-aħħar leġislatura, u se jkompli jwettaq il-bidla f’din il-leġislatura.
Huwa rribatta l-kritika tal-kap Nazzjonalista fosthom dwar ir-Rapport Bonello li l-Gvern ilu mill-inqas sentejn li beda jimplimentah u se jkompli jimplimenta miżuri li hemm qbil dwarhom
Il-Prim Ministru qal li huwa ma jafx jekk Daphne Caruana Galizia nqatlitx minħabba l-Panama Papers iżda jittama li l-affarijiet joħorġu meta l-Korp tal-Pulizija jitħalla jinvestiga b’mod seren fil-waqt li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Maġistrat inkwerenti. Dr Muscat qal li jinsab fiduċjuż li toħroġ il-verità.
Dwar il-kitba ta’ Caruana Galizia fil-konfront ta’ Delia, Muscat qal li hu mar għand in-nies meta kitbet kontra l-Gvern u l-Partit Laburista ngħata verdett b’saħħtu aktar minn qatt qabel u l-Prim Ministru mar il-qorti jitlob li jiġi investigat. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma marx il-qorti sabiex ikunu jistgħu jaraw u jinvestigaw dak li qalet Caruana Galizia fil-konfront tiegħu mill-bidu sal-aħħar. Qal li d-dell tad-dubju se jibqa’ fuqu u reġa’ stiednu jagħmel bħalu.
La ma marx ma jistax jitkellem dwar is-saltna tad-dritt għax qatt mhu se jiċċara din l-affari.
Dwar it-taxxi, Muscat qal li Delia ma tantx jista’ jgħid għax minn dak li qara lbieraħ ma tantx taħarqu qalbu li jħallashom fil-ħin.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija u sfida lill-Oppożizzjoni jsemmi mqar pajjiż wieħed fejn dawn jintgħażlu kif trid hi. Is-suġġeriment tagħhom fih innifsu jikser l-argument tas-separazzjoni tal-eżekuttiv u l-politiku u jimmina l-prinċipju tar-Rule of Law li hu prinċipju fundamentali.
Dr Muscat qal li l-Avukat Ġenerali appella deċizjoini tal-qorti dwar Cyrus Engerer lejliet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan iwaqqa’ l-argument kollu li l-Gvern jagħti xi struzzjonijiet lill-AG.
Taħt dan il-Kummissarju, il-Pulizija għamlu suċċess u f’dan il-każ meta għandek Maġistrat inkwerenti, huwa hu li jagħti struzzjonijiet lill-pulizija.
Dr Muscat qal li fil-każijiet ta’ korruzzjoni, hemm sistemi biex jiġġilidhom. Fl-aħħar tlieta u erba’ snin, il-Kummissjoni dwar il-Korruzzjoni ddeċiediet u qatgħet favur jew kontra mingħajr ma ndaħlilha ħadd. Fi żmien il-PN din kienet tkaxkar saqajha u hawn jidher li m’hemmx kredibilità la minn Delia u anqas mill-PN. Delia kkritika li d-direttur tal-FTS ma ttellax il-qorti fuq korruzzjoni u Muscat ġibed l-attenzjoni li fi żmien l-ex Ministru Louis Galea qatt ma sar xejn.
Muscat qal li l-proposti li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jagħmlux sens. Iżda wiegħed li jista’ jkollna diskussjoni dwar bidliet li trid l-Oppożizzjoni anke jekk il-poplu ma laqagħhomx fl-aħħar elezzjoni. Jekk ikun hemm proposti tajbin il-Gvern lest jieħu minn dawk tal-PN. Lest jisma’ u jaġixxi. Jekk inlestux f’sena u nofs, ma ġara xejn. Inlestu l-aktar kmieni possibbli u nsibu kunsens popolari dwar proposti ġodda. Jekk deadline ma tintlaħaqx, hemm l-elezzjoni ġenerali.