F’pandemija kellna għalliema u edukaturi dedikati u ħabbrieka li għamlu sagrifiċċju u baqgħu jagħllmu u jedukaw lil uliedna.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fil-Mellieħa l-Ħadd filgħodu, fejn saħaq kif Gvern Laburista dejjem emmen u investa fl-għalliema.
Qal kif, “Dejjem emmint fl-għalliem u l-edukaturi. Naf kemm minn settembru l’hawn is-sagrifiċċju li għamlu biex jedukaw lit-tfal tagħna fiż-żmien li mhux faċli għall-pajjiż. Tlaqt mill-punt ta’ prinċipju li ma stjaniex inċaħħdu lit-tfal tagħna minn tagħlim fiżikament u jkunu ma sħabhom fil-klassi.”
Il-Prim Ministru nnota kif Gvern Laburista dejjem poġġa ’l edukazzjoni fuq quddiem tal-ħidma tiegħu u dan deher biċ-ċar fl-investiment ta’ tletin miljun ewro aktar fl-iskejjel biex setgħu jiftħu fl-aħħar xhur.
Spjega, “U riżultat talli żammejn l-iskejjel miftuħin mhux illum se nħossuħ, se nħossuħ numru ta’ snin oħra, fejn it-tfal tagħna dawk it-tfal li kieku tilfu sena ta’ edukazzjoni mandatorja se jkunu qed igawdu mill-benefiċċju li rnexxielna nżommu l-iskejjel tagħna miftuħin.”
Dr Abela rrefera għal dak li qalet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, li l-ftuħ tal-iskejjel jgħin biex irażżan it-tixrid tal-virus u li Malta kienet waħda mill-ftit pajjiżi li rnexxielha żżomm l-iskejjel miftuħin.
Intant ftit jiem wara li l-Unjin Maltija tal-Għalliema ħabbret strajk għall-għalliema kollha, il-Prim Ministru qal kemm ħassu ddispjaċut b’din id-deċiżjoni, u rringrazzja lil kull min f’din is-sitwazzjoni xorta daħal għax-xogħol.
Hu qal, “Nirringrazzja lill-Monsinjur Arċisiqof u l-Prof. Charmaine Gauci iżda fuq kollox irrid nirringrazzja lil dawk l-edukaturi u l-għalliema kollha li fil-jumejn tal-istrajk xorta marru fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Inthom tajtu servizz lill-pajjiż fi żmien kruċjali u grati ħafna lejkom.”
Meta ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni mindu faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna, il-Prim Ministru ra kif dan il-Gvern dejjem kien trasparenti mal-poplu f’sitwazzjoni ta’ kriżi.
Qal li dan se jkun Gvern li jibqa’ mfakkar li f’dawn iż-żminijiet ħareġ l-id ta’ għajnuna għal eluf ta’ ħaddiema, familji u negozji, fosthom bil-ħlasijiet tal-pagi u anke bil-vouchers.
Għall-poplu Malti u Għawdxi l-Prim Ministru Malti kellu messaġġ wieħed.
Temm billi qal, “Nemmen f’futur sabiħ għal pajjiżna li ġej fuqna ma jdumx, ejja ħalli flimkien nibqgħu nagħmlu l-aħħar sforzi, ejja ħalli flimkien nibqgħu solidali, nibqgħu naħsbu f’xulxin, nibqgħu nagħmlu l-aħħar mumenti ta’ sagrifiċċju, nibqgħu nosservaw id-direttivi tal-awtortitajiet ħalli nżommu lil xulxin imħarsin minn aspett ta’ saħħa, nħarsu l-ekonomija tal-pajjiż u ssib pajjiżn b’saħħtu u nitilqu niġru ’l quddiem.”