Il-Prim Ministru beda l-messaġġ tiegħu għall-poplu Malti u Għawdxi billi semma li s-sena li għaddiet kellha diversi mumenti li fiha bdejna noħorġu mill-iktar effetti iebsa tal-pandemija.
Saħaq li bil-mod kif pajjiżna amministra l-vaċċin bl-aktar mod effettiv, il-familji setgħu jgħixu eqreb tan-normalità.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif l-isfidi se jibqgħu iżda jqawwilna qalbna hemm kisbiet li pajjiżna rnexxielu jikseb minkejja l-pandemija.
Qal, “Għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja u l-inqas numru ta’ nies dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Fl-istess ħin, f’Malta, llum għandna l-ikbar ammont ta’ nies sidien ta’ djarhom. Dawn huma kisbiet soċjali kbar li ftit li xejn stajna nbassru madwar sentejn ilu. Anzi, mal-mument li faqqgħet il-pandemija t-tbassir kien kompletament bil-kontra. Imma għax ħdimna flimkien, wasalna.”
Il-Prim Ministru rrefera għat-tbassir ekonomiku ta’ bosta istituzzjonijiet fosthom tal-Kummissjoni Ewropea, li qed tara li Malta se tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fost l-istati membri.
Saħaq li dan il-Gvern ħaseb u se jibqa’ jaħseb f’dawk l-aktar vulnerabbli, u ftit wara li l-Gvern estenda l-Covid Wage Supplement, il-Prim Ministru rrijaferma li se jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji.
Spjega, “Fl-istess ħin, bqajna naħsbu f’dawk li l-iktar għandhom bżonn appoġġ; il-pensjonanti u l-persuni b’diżabbiltà fuq quddiem nett. Konvint li bir-rieda u l-enerġija tan-negozji ta’ pajjiżna u l-bżulija u l-ħila tal-ħaddiema tagħna, dan kollu nistgħu mhux biss insostnuh, iżda nsaħħuh u ntejbuh. Minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.”
F’messaġġ li jempatizza u jmiss mar-realtajiet tan-nies, il-Prim Ministru qal li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet b’konsultazzjoni iżda b’determinazzjoni.
Qal, “Bħala Gvern se nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet. B’konsultazzjoni, iżda b’determinazzjoni. Għax id-deċiżjonijiet kuraġġjużi u sodi, kif ħadna sal-lum, iridu jibqgħu jittieħdu u mhux ikunu posposti. Hekk għamilna fl-aħħar xhur, biex minkejja l-pressjoni internazzjonali ħallejna stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fuel u l-gass fost oħrajn.”
Il-Prim Ministru saħaq li f’ġieħ is-saħħa mentali tan-nies u biex ir-rota ekonomika tibqa’ ddur u l-ħajja soċjali u kulturali tibqa’ għaddejja, ma rridux inkunu arroganti quddiem il-virus tal-Covid-19.
Hawn appella biex abbażi tal-pariri xjentifiċi u tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, inlaqqmu lil uliedna u l-adulti jieħdu l-booster.
Qal, “Għalhekk, daqstant ieħor kruċjali s-sehem ta’ kull wieħed u waħda minna. Fuq quddiem nett, billi naċċettaw l-istedina biex inkomplu nitlaqqmu kontra l-Covid-19, partikolarment issa, bid-doża tal-booster. Inħeġġeġ ukoll lill-ġenituri biex ilaqqmu lil uliedhom skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. Hekk inżommu b’saħħitna bħala ċittadini!”