Fl-istess attività politika l-Prim Ministru rreaġixxa għad-deċiżjoni tal-Qorti fil-konfront ta’ George Degiorgio biex dan joħroġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal festin tal-magħmudija ta’ membru tal-familja.
Il-Prim Ministru sostna li filwaqt li dejjem jitkellem b’rispett lejn is-sentenzi mogħtija mill-Qrati, huwa ħass id-dover li jitkellem meta l-messaġġ li jintbgħat mill-Qrati ikun differenti minn dak li tkun qed tistenna s-soċjetà.
Dr Abela stqarr li l-Qrati għandhom obbligu li jibgħatu messaġġ ċar bid-deċiżjonijiet tagħhom favur iż-żamma tas-sigurtà fil-pajjiż.
Fil-konfront tad-deċiżjoni mill-Qorti Kriminali fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru rreaġixxa hekk.
“Deċiżjoni mill-iktar insensittiva lejn is-soċjetà tagħna, imma hija iktar insensittiva lejn il-familjari tal-vittma ta’ dan id-delinkwent. Hija deċiżjoni li tibgħat messaġġ ħażin lil min ipprosegwixxa dan il-każ b’suċċess u lil min investiga dan il-każ b’suċċess.”