Il-Prim Ministru Robert Abela ippubblika r-rapport tal-Maġistrat Marseanne Farrugia tal-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident li seħħ f’Kordin u li fih miet Jean Paul Sofia.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru spjega kif id-dokument kif mgħoddi mill-Avukat Ġeneral Dr Victoria Buttigieg qed jiġi ippubblikat kollu.
Il-Prim Ministru kien wiegħed li jippubblika r-rapport tal-Maġistrat Inkwirenti u hekk għamel f’att ta’ trasparenza sħiħa.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li l-istess impenn ta’ trasparenza se jkun rifless ukoll fil-proċeduri marbuta mal-inkjesta amministrattiva li nħatret biex tkun magħrufa l-verità kollha.
Riżultat tal-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali, tmien xhur wara l-każ, nhar il-Ħadd li għadda tressqu ħames persuni l-Qorti biex iwieġbu għal akkużi kriminali b’rabta fost oħrajn mat-telf ta’ ħajja ta’ Sofia.