Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern għandu mandat għal kwoti tal-ġeneru fil-politika.
“Mir-riforma l-kbira tal-konvenzjoni kostituzzjonali li se nara li nkunu mxejna sew fiha matul din il-leġiżlatura… għal riformi oħra li se jkunu kontroversjali li ma nistgħux immorru lil hinn minnha.”
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-parteċipazzjoni tan-nisa reġgħet kienet ferm inqas milli wieħed jemmen għandu jkun livell adegwat.
“Jien wieħed minn dawk li nemmen li s-sistema għandna bżonn xokk. Fil-mandat tal-gvern hemm il-kwoti tal-ġeneru mill-elezzjoni ġenerali li jmiss. Kwoti li qed narawhom miżura temporanja” qal Joseph Muscat.
Joseph Muscat qal li din hi miżura li għandha tieħu numru ta’ snin, maqbula minn qabel. Il-Prim Ministru tenna li jifhem li din hi kwistjoni li tqanqal diskussjoni.
“Is-sistema tagna diġa’ tipprovdi għall-membri parlamentari b’mod proporzjonali. Hija lok ta’ diskussjoni. Imma ngħid jien jekk iridu kuraġġużi u nibgħatu sinjal u nsibu mekkaniżmi u sistemi li nżidu n-nisa f’din il-leġiżlatura stess.”
Jekk jiġri hekk, qal Joseph Muscat, ikun intbagħat messaġġ b’saħħtu lis-soċjetà. Tenna li anke l-partiti politiċi jridu jagħmlu l-almu tagħhom u rrefera għal programm LEAD tal-Partit Laburista biex fi żmien għaxar snin mill-inqas nofs il-kandidati jkunu nisa.
Tenna wkoll kif il-Parlament irid jaħseb f’ħinijiet differenti xi xħin jiltaqa’ u tenna li hemm ukoll mandat dwar diskussjoni fuq membri parlamentari full time. Il-Prim Ministru qal li jekk irridu nibgħatu sinjal ta’ aġenda riformista, dawn huma affarijiet li jridu jsiru fl-ewwel u t-tieni sena.
“Hawn għatx għal bidla. Din hi xi ħaġa li mgħandniex niġġieldu dwarha. Imma hu sinjal li we owe it to the country.”
Joseph Muscat qal wkoll li l-oqsma oħra fejn se jsiru r-riformi hemm mandat popolari għalihom, f’każi biex il-gvern jiddiskuti u f’każi oħra biex jimplimenta. Muscat irrefera għall-qasam tad-droga u l-prostituzzjoni, fost oħrajn. Qal li dawn huma oqsma fejn il-gvern irid jiddeċiedi jaġixxix jew jgħalaq għajnejh għall-abbużi.