Jekk il-poplu jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu, waħda mill-ewwel miżuri li se jiġu implimentati hija dik ta’ żieda qawwija fl-għotja tal-carers li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità severa.
Fil-fatt, din l-għotja se tiżdied minn ħames mitt ewro fis-sena għall-ekwivalenti ta’ nofs il-paga minima.
Dan ifisser li ġenituri ta’ tfal b’diżabilità severa li ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom, se jgawdu minn benefiċċju ta’ erbat elef, seba’ mija u ħamsin ewro fis-sena.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela fil-programm Awla l-Ġimgħa filgħaxija meta kien qed jitkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Laburista fis-settur tad-diżabilità.
“Dik il-miżura li saħħaħna fl-aħħar Budget, ta’ carers li jieħdu ħsieb tfal jew adulti li għandhom diżabilità severa, dawk il-ġenituri li jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom. Dawk il-qraba li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità severa illi timpedihom milli jistgħu jmorru għax-xogħol. Fl-aħħar Budget l-għajnuna li konna qed nagħtu, żidniha għal €500 fis-sena. Imma nemmnu li mhux biżżejjed. Għalhekk, jekk dan il-Gvern jerġa’ jingħata l-fiduċja biex ikun jista’ jmexxi dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin, dik l-għajnuna minn €500 fis-sena se nżiduha għal €4,750 fis-sena.”
Proposta oħra hija dik li jissaħħu s-servizzi offruti miċ-Child Development Assessment Unit, is-CDAU, f’binja ġdida u adekwata għall-ħtiġijiet tal-lum.
“Nemmen li rridu nkomplu nikkonsolidaw is-servizzi li jiġu offruti f’dan il-qasam minn entitajiet differenti f’binja waħda, moderna u li hija adegwata għan-neċessitajiet tal-lum. Imbagħad insemmi wkoll il-ftuħ tas-CDAU ġewwa l-gżira Għawdxija, sal-lum ma hemmx CDAU f’Għawdex u dan joħloq ċertu inkonvenjent, aħna dak l-inkonvenjent irridu neliminawh. Imma mbagħad irridu wkoll illi sa fejn possibli u jekk jista’ jkun b’mod komplet is-servizzi li toffri s-CDAU jibdew jiġu offruti ġewwa l-iskejjel, għaliex nemmnu illi huwa ambjent aktar adegwat dak li tista’ toffri s-CDAU jekk ikun ġo skola milli fl-ambjent ta’ sptar u jgħin fil-prinċipju ta’ inklużjoni.”