Adult li jinsab fil-pussess ta’ seba’ grammi Kannabis għall-użu esklussiv tiegħu ma jkun qed iwettaq l-ebda reat.
Din hija waħda mill-bidliet ewlenin li propona l-Gvern hekk kif it-Tlieta filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-berġa ta’ Kastilja.
Fil-fatt, Dr Abela ħabbar li f’din il-konsultazzjoni pubblika qed jiġu proposti numru ta’ bidliet mill-Gvern sabiex ma jibqgħux jiġu ppersegwitati nies bla bżonn.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fost il-bidliet proposti mill-Gvern, qed jiġi propost li adult li jinsab fil-pussess ta’ seba’ grammi Kannabis għall-użu esklussiv tiegħu ma jkun qed iwettaq l-ebda reat.
Proposta oħra tgħid li adult li jinsab fil-pussess ta’ iktar minn 7 grammi, iżda inqas minn 28 gramma, għall-użu esklussiv tiegħu, jitressaq quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja, u jista’ jingħata multa amministrattiva li tistà tlaħħaq il-massimu ta’ €100.
F’din il-white paper qed jiġi propost ukoll li kull abitazzjoni residenzjali tkun tista’ tkabbar sa massimu ta’ 4 pjanti għall-istess abitanti u mhux għall-bejgħ.
Dan filwaqt li persuna tkun tista’, permezz ta’ proċedura sempliċi, tneħħi mill-kondotta uffiċjali tagħha dawk ir-reati li ma jkunux għadhom ikkunsidrati bħala tali fil-liġi ta’ Malta.
Apparti minn hekk il-Prim Ministru Robert Abela ppropona li l-konsum tal-kannabis fil-pubbliku mhu se jkun permess fl-ebda każ.
Huwa spjega: “Il-konsum tal-Kannabis fil-pubbliku mhux se jkun permess fl-ebda każ. Jekk persuna tikkonsma fil-pubbliku se tkun soġġetta għal multa amministrattiva ta’ €233. Il-konsum allura huwa limitat għal ġewwa residenza u meta jsir ġewwa residenza ma jistax isir quddiem minorenni.”
Il-Prim Ministru ppropona wkoll li titwaqqaf Awtorità responsabbli għal dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Kannabis, bis-setgħa li tikkumissjona studji u twassal proposti, u se tkun xprunata aktar edukazzjoni effettiva dwar il-Kannabis.
Se jkunu qegħdin jitħarrġu uffiċjali li jaħdmu fil-qrib ma’ dawk li jużaw il-Kannabis, sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.
Dr Abela tenna wkoll li dawn il-proposti bl-għeruq tagħhom fil-manifest elettorali tal-2017, għandhom l-għan li jwaqqfu s-suq illegali.
Il-Prim Ministru sostna: “Ikollna sors legali u regolarizzat ta’ minn fejn persuna tista’ tixtri kemm il-Kannabis u kif ukoll iż-żerriegħa li tintuża fil-kultivazzjoni tal-pjanti. Nemmen li din hija miżura ewlenija biex is-suq illegali jiġi kemm jista’ jkun imnaqqas. Flimkien, kumplimentat ma’ din il-miżura jibqa’ l-infurzar.”
Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa għal 6 ġimgħat sal-11 ta’ Mejju u l-pubbliku qed jintalab jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu.
Dan sabiex tiġi assigurata l-ġustizzja ma’ dawk li jagħmlu użu responsabbli mill-Kannabis.