F’konferenza tal-aħbarijiet fir-Rialto bit-tema Malta Flimkien, il-Prim Ministru ppreżenta sett ta’ proposti interessanti għan-negozji u li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-ekonomija u jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità.
Waħda mill-proposti interessanti hija dik magħrufa bħala l-‘Profit Reinvestment scheme’.
Din l-iskema se tkun immirata għal dawk in-negozji li jinvestu l-qligħ fin-negozju stess.
Lil dawn in-negozji, il-Prim Ministru qal li jekk jingħata l-fiduċja se jtihom rifużjoni sħiħa tat-taxxa fuq dak il-profitt li jerġa’ jiġi investit.
“Lil dawn in-negozji se nagħtuhom rifużjoni tat-taxxa sħiħa mħallsa fuq dak il-profitt li jiġi rinvestit mill-ġdid fin-negozju tagħhom. Din il-miżura tikkumplimenta dak diġà mħabbar dwar il-Corporate Tax Rate. Dan jiġifieri t-tnaqqis tal-Corporate Tax Rate minn 35% għal 25% fuq l-ewwel €250,000 ta’ profit li jiġi rreġistrat ta’ kull sena. Dan se jkun japplika għal kulħadd. It-tnaqqis li qed nipproponu aħna ma hu marbut mal-ebda kundizzjoni.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fost proposti oħra li tħabbru favur garanzija għal ekonomija b’saħħitha, se tiġi inċentivata s-sostenibbiltà tan-negozji billi l-Gvern ikopri l-ħlas ta’ energy audits għal kumpaniji micro u żgħar u se tiġi inċentivata l-qalba sostennibbli tal-operat tan-negozji.
Dawn in-negozji żgħar u medji se jingħataw tax credits billi titwessa’ l-eliġibilità ta’ skemi tal-Bank Malti għall-Iżvilupp biex is-settur privat igawdi minnhom billi jippreżenta proġetti ħodor u joħloq dawk magħrufa bħala green jobs.
Il-Prim Ministru ppropona tfassil ta’ qafas legali għal startups biex tiġi introdotta skema ta’ tassazzjoni aktar faverevoli għalihom.
“U biex inkunu inkubatur ta’ ideat se nikkumplimentawh bi private equity fund li jipprovdi kapital għall-istart ups. F’dan se nkunu qed nagħtu prijorità lill-eco start ups. Lil dawn se nkunu qed ntuhom mentorship professjonali, inċentivi fiskali u l-formazzjoni ta’ minimum viable product.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll proposta ta’ one stop shop ta’ għajnuna għall-istart ups biex is-servizz ikun aċċessibbli kollu taħt saqaf wieħed.