Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jsiru r-riformi neċessarji li jagħtu lill-istati membri l-għodod kollha meħtieġa biex jittrattaw l-isfida tal-migrazzjoni.
Hu sostna dan waqt laqgħa dwar is-suġġett ma’ 12-il mexxej ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Dr Abela qal li din il-ħidma hi kruċjali biex tingħata l-protezzjoni lil min verament ikun ħaqqu, iżda jiġi assigurat li dawk li ma ħaqqhomx l-ażil ikunu jistgħu jiġi rritornati b’mod effettiv.
F’kummenti mal-ġurnalisti wara l-laqgħa, Dr Abela spjega li Malta kienet minn tal-bidu li bdiet tqajjem dan is-suġġett f’dan il-kunsill u issa aktar pajjiżi qed iħossu l-ħtieġa li s-suġġett tal-migrazzjoni jkun diskuss.
Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru ressaq proposta biex din id-diskussjoni kruċjali tkun riflessa fil-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, li se tibda f’Mejju li ġej, u spjega wkoll li din l-idea intlaqgħet b’interess.
Dan biex fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ikunu indirizzati dawk li ma jingħatawx ażil u anke fuq każi ta’ persuni li jkunu wettqu reat kriminali f’pajjiż u ma tkunx tista’ tneħħihom.
“Protesta li ressaqt dalgħodu quddiem il-bqija tal-Unjoni Ewropea kienet li l-platform li se jkollha Malta minn Mejju ’l quddiem għal sitt xhur fi ħdan il-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Infakkar li l-Konvenzjoni Ewropea taqa’ taħt il-Kunsill tal-Ewropa u, allura, il-Presidenza Maltija tkun tista’ tressaq ’il quddiem proposti biex isiru riformi f’din il-konvenzjoni tant importanti. Hija idea li ntlaqgħet b’ħafna interess u biħsiebni wara l-laqgħa tal-lum, mal-bqija tat-tim tekniku tagħna nimbottaw biex din ir-riforma tkun waħda mill-items ta’ prijorità tal-Presidenza tagħna. Flimkien ma’ dan u b’mod parallel, xogħol tajjeb ħafna li qed isir mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-Presidenza ta’ Ursula von der Leyen, jiġifieri fuq livell Ewropew nirriformaw ukoll il-liġijiet, biex dejjem nagħtu iktar saħħa lill-pajjiżi li jilqgħu għal din ir-realtà.”
