Fil-belt Portuġiża ta’ Porto, beda summit informali ta’ jumejn tal-Kunsill Ewropew.
Preżenti għal dan is-summit ta’ jumejn hemm il-Prim Ministru Malti Robert Abela, li ngħaqad b’mod virtwali minħabba li jinsab fi kwarantina.
Dan is-summit, bejn il-mexxejja Ewropej qed isir sabiex jiddiskutu l-istrateġija soċjali tal-Unjoni Ewropea għal għaxar snin li ġejjin.
Il-jum tal-Ġimgħa kien ikkaratterizzat minn diversi laqgħat dwar ix-xogħlijiet, l-innovazzjoni u dwar is-servizzi soċjali, flimkien ma’ diversi teknokratiċi.
Mill-Ġimgħa filgħaxija u s-Sibt filgħodu, is-summit se jieħu s-sura ta’ summit tradizzjonali, hekk kif il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jinġabru f’laqgħa flimkien.
Hawnhekk, il-mexxejja Ewropej mistennija jaqblu li sal-2030, minn tal-inqas ikun hemm rata tal-impjiegi ta’ 78%, minn tal-inqas 60% tal-adulti jattendu għall-korsijiet ta’ taħriġ u jitnaqqas in-numru dawk f’riskju ta’ faqar b’minn tal-inqas ħmistax-il miljun persuna.
Fil-bidu ta’ dan is-summit, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet kif l-irkupru madwar l-Unjoni Ewropea għadu kmieni.
Qalet kif dan is-summit soċjali wasal f’perjodu tajjeb, hekk kif din l-aħħar sena kienet waħda diffiċli minħabba l-pandemija.
Von der Leyen qalet kif huwa ta’ prijorità li jiżdied ix-xogħol u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea.
Ritratt: Arkivji