Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li mhux aċċettabbli li f’inkjesti maġisterjali li jitrattaw inċidenti serji li wasslu għall-mewt, aktar minn tliet xhur wara għad ma hemmx proċess verbal u allura lanqas persuni responsabbli li jitressqu l-Qorti biex jaffaċċjaw akkużi.
Il-Prim Ministru qal dan fid-diskussjoni tan-nomina tal-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għall-kariga ta’ Ombudsman meta tul il-karriera tiegħu ta’ 12-il sena bħala ġudikant, McKeon kien magħruf għall-effiċjenza tiegħu.
Fil-fatt McKeon tat medja ta’ sentenza kull jumejn f’Qorti tal-Prim Awla Ċivili fejn il-każijiet jirrekjedu deċiżjonijiet mill-aktar fil-fond.
Fil-Parlament il-Prim Ministru għamel dikjarazzjoni b’saħħitha ħafna, f’dik li dehret referenza ċara għall-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia f’inċident meta waqgħet binja f’Kordin.
Dwar dan il-Prim Ministru kien diġà wieġeb fil-Parlament meta qal, “Dwar dan il-każ qed tinżamm inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Inkwirenti u hemm ukoll l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet relevanti oħra. Jekk tassew irridu ġustizzja, ix-xogħol ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jitħalla jsir f’serenità. Fl-istess ħin irrid nappellalhom biex jagħtu importanza massima lil dan il-każ, biex issir ġustizzja b’ċelebrità mal-familja tal-vittma, fuq quddiem nett, u mas-soċjetà.”