Malta se tibqa’ tinsisti li, minkejja li hi l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta u l-poplu tagħha jeħtieġ ikollhom aċċess indaqs għal mediċini u dan bi prezz xieraq.
Dan intqal mill-Prim Ministru Robert Abela qabel is-summit tal-Kunsill Ewropew, li beda jitlaqqa’ l-Ħamis u qed jiddiskuti, fost l-oħrajn, il-kompettitività, is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u d-difiża Ewropea.
Il-Prim Ministru sostna li, qabel dan il-Kunsill, f’telefonata li għamel mal-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa, tkellem dwar kif is-suq waħdieni mhux jaħdem l-istess mal-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Hawn, Dr Abela qal li l-enfasi li għamel kienet dwar il-qasam tal-mediċini.
“Jiġifieri l-aċċess tal-mediċini għal pajjiżna hu perikolat, kieku mhux għall-ħidma kbira li nagħmlu, li nnegozjajna deroga wara l-Brexit. Imma li qed inressqu ’l quddiem hu l-fatt li, fl-emenda tal-Phamaceutical Regulations li tinsab għaddejja bħalissa, irridu naħsbu għar-realtà li ma jistax ikollok sitwazzjoni li l-produtturi tal-mediċina jiddeċiedu li l-iżgħar stat membru ma jibgħatux ċerti mediċini jew li bihom il-prezz, li bihom iċ-ċittadini ta’ pajjiżna jaċċessa dawk il-mediċini, ikun id-doppju ta’ kemm jixtrihom fi Brussell, jekk mhux it-tripplu.” 1:10
Il-Prim Ministru qal li għaddejja ħidma bejn pajjiżna u l-Kummissjoni Ewropea biex din is-sitwazzjoni titranġa.