Waqt li kien qed jiġi intervistat il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru elenka wħud mir-riżultati pożittivi li kiseb pajjiżna.
Fost dawn semma ċ-ċifri rekord fil-qasam tat-turiżmu fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, li saħansitra qabżu dawk irreġistrati fl-aħħar sena rekord, jiġifieri l-2019.
Il-Prim Ministu stqarr kif dan is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ ħidma strateġika li waslet biex pajjiżna jkompli jkun magħżul bħala d-destinazzjoni favorita ta’ għexieren ta’ eluf ta’ turisti.
Qal, “Insemmi l-eżempju tal-Polonja, ta’ turisti li waslu mill-Polonja, żdiedu b’ħamsa u sebgħin fil-mija. Kienu l-konsegwenza jew il-frott ta’ ħidma li saret b’mod dirett biex nattiraw aktar turisti minn dan il-pajjiż. Imma hemmhekk ukoll aħna rridu nibqgħu nitkellmu fuq il-bidla. Nikkuntentaw b’li għandna jew inħarsu lejn il-pass li jmiss?”
Dr Abela kompla jgħid kif il-pass li jmiss f’dan il-qasam huwa dak li pajjiżna jattira turiżmu ta’ kwalità ogħla.
Dan is-sentiment pożittiv qed jinħass ukoll fil-manifattura.
Qal, “X’innutajna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, li l-produzzjoni industrijali fil-fabbriki tagħna kkumparat mal-istess kwart tas-sena li għaddiet telgħet ‘l fuq b’erbatax fil-mija. Settur dan illi ħaddieħor kien qal li se jmut il-mewta naturali u naraw żieda daqstant ieħor b’saħħitha. Meta tara imbagħad fil-kuntest ta’ x’qed jiġri llum madwar il-bqija tad-dinja fejn għandek inti ħafna pajjiżi anki fl-Ewropa li qegħdin jitkellmu dwar riċessjoni.”
Il-Prim Ministru semma wkoll statistika maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ewropew, il-EUROSTAT, li wriet kif pajjiżna, minkejja l-pressjonijiet internazzjonali u l-insularità li għandha Malta, il-konsum lokali xorta żdied.
Qal, “Imma minkejja dan ħares x’qal il-Eurostat, mela minkejja din l-isfida tal-inflazzjoni f’pajjiżna l-konsum mill-ħwienet, ix-xiri mill-ħwienet żdied bi tnejn fil-mija. Mal-bqija tal-Ewropa l-konsum mill-ħwienet naqas b’erbgħa fil-mija. Meta tara pajjiżi bħall-Estonja, nsemmi l-Islovenja, insemmi l-Ungerija l-konsum mill-ħwienet, ix-xiri mill-ħwienet. Taf b’kemm naqas? Bi tlettax fil-mija.”