Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, bl-ittra li bagħat, seta’ stieden lit-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF biex titfa’ lill-Malta fil-lista l-griża.
Dr Abela qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon ONE il-Ħadd filgħodu meta kien mistoqsi dwar l-ittra li kiteb il-Kap tal-Oppożizzjoni quddiem id-deċiżjoni tal-FATF ftit tal-jiem oħra dwar pajjiżna.
Il-Prim Ministru esprima d-diżappunt tiegħu għal dik l-ittra minkejja s-sejħiet għall-għaqda fil-kwistjonijiet li jittrattaw l-interessi nazzjonali ta’ pajjiżna.
Huwa qal, “Qatt ma stennejtha jkolli ngħid, għaliex din l-ittra jekk tanalizza l-aħħar paragrafu tagħha tfisser li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jistieden lill-FATF sabiex tagħmel grey listing ta’ pajjiżna.”
Fil-fatt, il-Prim Ministru tenna li tul l-aħħar xhur dan il-Gvern ħadem kemm felaħ u rriforma bosta liġijiet f’pajjiżna biex b’hekk illum huwa wieħed mill-uniċi pajjiżi Ewropej li huwa ‘largely compliant’ mar-rekwiżiti li jirregolaw il-qasam finanzjarju u l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-kriminalità finanzjarja.
Dr Abela tenna wkoll li dawn il-kwistjonijiet ma feġġewx taħt Gvern Laburista iżda kienu ilu jinħbew taħt it-tapit minn amministrazzjoni Nazzjonalista.
Huwa sostna: “Problema li minn pajjiżna ila ġejja għal snin twal mela fuq hekk biss kellu jkollok l-Oppożizzjoni li tappoġġjana imma ma ġarax hekk. Ma ġarax hekk u jien persważ ukoll li n-nies qed iqisu dan l-aġir, għalija aġir li jekk hemm kollox li huwa inaċċettabbli dan arċi inaċċettabli dak li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni din il-ġimgħa.”
Il-Mexxej Laburista staqsa wkoll dwar il-mument tant kruċjali li fih intbagħatet din l-ittra. Tenna kif din l-imġieba tkompli tikkonferma l-ħsara li l-Partit Nazzjonalista kapaċi jagħmel lil pajjiżna.
Dr Abela saħaq: “Għaliex? Dik l-ittra nibqa’ nsaqsi lili nnifsi għaliex intbgħatet u għaliex inti bħala partit politiku tasal li tagħmel din il-ħsara lill-pajjiżek. Jiena nixtieq niddibatti mal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq x’viżjoni għandu għall-pajjiż għax s’issa kemm ilu Kap qatt ma smajt x’viżjoni għandu. Qatt ma rajt viżjoni ekonomika, fis-settur edukattiv, fis-settur tax-xogħol, fis-settur tas-saħħa and yet meta jiġi biex jinflinġi kemm jiflaħ ħsara naħseb li huwa kapaċi sew hemmhekk għax b’dak li rajna dak iffisser.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-poplu qed jiżen sew x’inhu verament jagħmel il-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech fuq materja nazzjonali mill-aktar importanti.
Tenna li huwa determinat li jibqa’ jmexxi lil dan il-Gvern b’rieda b’saħħitha li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.