L-iżvilupp għandu jkun wieħed sostenibbli.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela, meta kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti wara t-tħabbira li erba’ artijiet fejn setgħu jinbnew tletin blokka appartamenti se jinbidlu fi spazji ħodor miftuħa għall-familji.
Fil-fatt, il-Prim Ministru elenka l-importanza li għandu jkun hemm bilanċ fl-iżvilupp li jsir f’pajjiżna, fejn tenna li wieħed ma jistax jagħlaq il-bibien għall-iżvilupp kompletament imma jħares lejn żvilupp li jkun wieħed sostenibbli.
Hawnhekk, Dr Abela ġab bħala eżempju dak li l-Gvern qed jagħmel permezz tal-artijiet tiegħu, li qed isservi bħala eżempju tal-viżjoni strateġika li għandu l-Gvern għal pajjiżna.
Dr Abela tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qiegħed isir biex lil hinn mill-ħolqien ta’ spazji ħodor, f’żoni urbani l-element tal-estetika ikun wieħed aktar b’saħħtu.
Il-Prim Ministru wieġeb ukoll għall-mistoqsijiet tan-NET rigward l-inizjattiva ‘Stabbiltà’ fejn irrimarka kif l-għan ewlieni tagħha huwa li l-Gvern jgħin fil-piżijiet li ġġib magħha l-inflazzjoni għall-kuntrarju ta’ dak li kien seħħ taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Dr Abela tkellem dwar dak li jemmen fih il-Gvern b’rabta mas-suq tal-ikel, li jagħraf is-suq liberu iżda ma jieqafx hawn.
“Nemmnu anzi li l-Gvern fejn hu meħtieġ li jidħol biex jipproteġi l-interessi tal-konsumatur huwa obbligu primarju fuqu biex jagħmilha. Issa biex wasalna għal dan il-ftehim, aħna kellna xhur ta’ tfixkil mhux ħa ngħid mill-Partit Nazzjonalista frontalment imma konvint li kien waħda minn dawk l-idejn illi beda jrewwaħ minn wara biex ma naslux għal dak il-ftehim, li sar minn kollox biex dak il-ftehim jiġi mħarbat. Minflok tkellimna mal-importaturi, minflok tkellimna mas-sidien ta’ supermarkets u tajba stabbiltà.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Huwa nnota kif pajjiżna kien wieħed mill-uniċi pajjiżi li rnexxilu jdaħħal inizjattiva ta’ dan it-tip u waqqaf milli l-prezzijiet jkomplu jogħlew kieku ma ntervjeniex.
Meta imbagħad kien mistoqsi dwar il-protesta tal-bdiewa l-Ħamis filgħodu, il-Prim Ministru saħaq dak li għamel Gvern Laburista fosthom billi nġiebu għadd ta’ derogi mill-Unjoni Ewropea u numru ta’ inċentivi li ngħataw fl-aħħar snin.
Dr Abela nnota kif madanakollu, għad fadal xi jsir fosthom b’numru ta’ miżuri li l-bdiewa tkellmu miegħu fuqhom, bħal spezzjonijiet fuq frott u ħaxix li jkun importat lejn pajjiżna.
“Jien nemmen ħafna fil-protezzjoni lejn is-settur agrikolu, rajna l-importanza tiegħu partikolarment waqt il-pandemija u nemmen ukoll li ma jistax ikollna regolamenti li jsiru minn ġewwa l-bubble ta’ Brussell, minn ġewwa l-burokrazija u l-uffiċini ta’ Brussell illi ma jirrispettawx ir-realtajiet tal-bdiewa tara x’sagrifiċċji jgħaddu minnhom biex jaqilgħu l-għajxien tal-familja tagħhom u dawk is-sagrifiċċji qegħdin jagħmluhom biex fl-aħħar mill-aħħar jagħtu provvista.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk tenna kif il-Gvern se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex jibqa’ jipproteġi lis-settur lokali, li hu importanti għall-ekonomija Maltija.
Il-Prim Ministru innota wkoll il-miżuri li ħa l-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-professjoni tal-infermiera f’pajjiżna, b’mod partikolari bil-ftehim kollettiv li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN.
“Iż-żidiet li tajna f’dak il-ftehim kollettiv ma kienux bl-addoċċ imma propju kienu mnebbħa mill-fatt li identifikajna li hemm shortage f’dak is-settur tant importanti għal benesseri tal-pazjenti tagħna u allura b’mod strateġiku għidna li biex ninċentivaw aktar studenti illi jidħlu fil-kors li jwassal biex tiggradwa bħala infermiera, irridu nagħtu kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi li huma b’saħħithom.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn innota s-sodisfazzjon tiegħu li f’dan ir-rigward intlaħaq ftehim bejn il-partijiet li qiegħed jitħaddem.