Fid-diskors tiegħu dwar l-estimi finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’rabta mal-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna għat-twettiq tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’, li jmur id f’id ukoll mal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit mill-Gvern.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif il-Baġit imħabbar għas-sena d-dieħla se jibqa’ wieħed iffokat fuq għajnuna lill-familji u n-negozji flok il-politika tal-awsterità li ħaddnet amministrazzjoni preċedenti.
“Kieku żammejna l-politika tal-piżijiet, li l-piżijiet tixħithom fuq spallet in-negozji u fuq spallet il-poplu u minflok m’adottajniex il-politika tal-inċentiv, tafu x’kien jiġri, Sur President, f’dan il-pajjiż? Kieku pajjiżna kien jibqa’ kif kien taħt GonziPN. Pajjiż ekonomikament staġnat u li ma jista’ jimxi ’l quddiem qatt.”
il-Prim Ministru Robert Abela
B’mod prinċipali wkoll il-Prim Ministru aċċenna għall-bidliet li jkomplu jsaħħu lil Malta, fosthom dik imħabbra għar-regolar għall-ewwel darba tal-aġenziji tax-xogħol.
Dan bi prinċipju wieħed u ċar, li jissaħħaħ l-kontroll tal-awtoritajiet Maltin.
“X’irid il-poplu tagħna? Ma jridx free for all żgur. Ma jridx libertà assoluta. Irid assigurazzjoni waħda. Dik li l-awtoritajiet Maltin ikollhom il-ħin kollu l-kontroll sħiħ tas-sitwazzjoni, jiġifieri li fejn nitkellmu dwar l-immigrazzjoni kif jingħad l-istess għal kull settur ieħor li jeħtieġ regolamentazzjoni tal-awtoritajiet tagħna, li l-awtorajiet tagħna jkollhom il-kontroll sħiħ tas-sitwazzjoni.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn il-Prim Ministru ma naqasx ukoll milli jinnota l-aġir populista perikoluż tal-Oppożizzjoni b’rabta ma’ dan is-suġġett importanti.
“Nistieden jien lil kulħadd iħares lejn il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, li issa waslet biex titkellem fuq popolazzjoni ‘indiġena’. Għiduli intom x’diskors hu dan li titkellmu fuq popolazzjon ‘indiġena’. Min hu indiġenu u min mhuwiex? Tal-mistħija dan it-tip ta’ diskors. Dan hu kliem, diskors tal-lemin estrem li intom qed tipprovaw iddeffsu fil-moħħ tal-poplu Malti. Verament diskors li jbaxxikom u hu tal-mistħija. Sur President, aktar milli hu diskors tal-mistħija hu dan diskors razzjali li hu perikoluż ħafna.”
il-Prim Ministru Robert Abela