Fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, il-Prim Ministru Robert Abela ta ħarsa lura lejn is-sitwazzjonijiet internazzjonali li ddominaw fl-aħħar sena u kif minkejja l-isfidi li ġabu magħhom, il-Gvern imexxi minnu ma ħax it-triq tal-indifferenza.
Dan minkejja wkoll il-prinċipju tan-newtralità li jħaddan pajjiżna.
Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna kif pajjiżna qed iħaddem in-newtralità tiegħu bħala għodda b’saħħitha favur il-paċi u kontra l-aggressjoni.
“Ersaqna ’l quddiem bħala promoturi tad-djalogu u tas-sewwa fil-fora kollha internazzjonali li konna fihom. Għamilt dan bħala Prim Ministru ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u bħala missier, bil-valuri kollha li nħaddan għall-famija tiegħi. F’isimkom, tkellimt dwar il-paċi kull fejn kont. Għax aħna poplu li huwa kontra l-gwerer, jagħmilhom min jagħmilhom.”
Robert Abela – Prim Ministru
Dr Abela hawn tenna li din il-konsistenza min naħa ta’ pajjiżna ġiet apprezzata ferm fil-fora internazzjonali, tant li l-fiduċja f’pajjiżna dehret b’mod konkret għal aktar minn darba.
“Dan wassal biex Malta ġiet fdata għal darba wara oħra fix-xena internazzjonali. Ġejna fdati bi rwoli importanti u mill-bidu tas-sena d-dieħla se nassumu oħrajn. Ġew fostna l-ikbar potenzi tad-dinja jiddjalogaw għax ħassew li aħna l-art tal-sliem.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif f’pajjiżna ġie ospitat is-summit importanti tal-MED 9 biex tfasslu pożizzjonijiet komuni fl-interess tar-reġjun u taċ-ċittadini tal-Mediterran.
Dan kollu tenna l-Prim Ministru, huwa frott ir-reputazzjoni b’saħħitha ta’ pajjiżna.
Intant, il-Prim Ministru għamel aċċenn għal suċċessi mil-lat lokali f’pajjiżna. Isemmi fost oħrajn episodji ta’ kburija nazzjonali li se jkomplu jispiraw aktar ħidma ’il quddiem.
“Is-suċċessi li ksibna fis-sena li għaddiet u l-avvenimenti bħar-rebħ u l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-EuroPride kienu mumenti ta’ kburija nazzjonali. Dawn se nżommuhom bħala s-sors ta’ ispirazzjoni biex dejjem inwettqu aktar.”
Robert Abela – Prim Ministru
Ma naqasx ukoll li l-Prim Ministru jħares ’il quddiem lejn appuntamenti u żminijiet imporanti għas-sena 2024, fosthom l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Hawn, il-Prim Ministru sostna li l-poplu mhux biss għandu jersaq ’il quddiem f’dawn il-proċessi demokratiċi, iżda anke jagħmel dan permezz tal-ideat u l-ħsibijiet tiegħu dwar pajjiżna.
“Fl-2024 se nagħmlu wkoll għażliet importanti. Għażliet għall-komunitajiet tagħna u għażliet dwar kif irridu li nkunu rappreżentati fl-istituzzjonijiet Ewropej. M’hemmx dubju li huma għażliet illi rridu nagħmluhom f’rispett lejn xulxin u li għandhom ikunu ispirati mill-imħabba lejn il-komunitajiet tagħna u lejn pajjiżna. L-istedina tiegħi lill-poplu Għawdxi u Malti hi mhux biss biex f’dawn il-proċessi demokratiċi jersaq ’il quddiem, iżda jersaq ’il quddiem ta’ kuljum bl-ideat u l-ħsibijiet tiegħu dwar pajjiżna.”
Robert Abela – Prim Ministru